Saturday, December 21, 2024

“It-tabib jgħidli naqqas… hawn min jgħid li mmut fuq il-gaffa” – Carmelo Borg

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Seba’ snin ilu kont involut f’inċident ikrah li ħalla impatt negattiv ħafna fuqi. Kont qiegħed bil-gaffa u nqalbet balla magħlef għal fuqi. Mort lura ħafna minn dakinhar. Kellha tkun ġurnata xogħol bħall-oħrajn imma jien u naħdem bil-gaffa spiċċajt b’din il-balla fuqi. Dik mhux balla miż-żgħar. Spiċċajt maqbud bejn il-balla u l-gaffa u mnalla kien hemm sid ir-razzett biex qalibha minn fuqi għax kieku m’iniex hawn żgur. Domt rikoverat l-Isptar u l-uġigħ hemm qiegħed. Mhux billi tarani hawn fuq il-gaffa naħdem, kull meta nirkeb biex nibda nħossni mbeżża’ li se nerġa’ nweġġa’ anke fejn inkun fil-ftuħ mingħajr ebda periklu. 

Meta bdejt dan ix-xogħol? Illum ngħandi 76 sena u ilni nagħmel dan ix-xogħol 58 sena. Minbarra dan ix-xogħol kelli x-xarabank ukoll. Domt 46 sena bix-xarabank u konna naħdmu darba iva u darba le allura meta kont inkun frank kont nagħmel xi xogħol bil-gaffa. Żewġ xogħlijiet differenti minn xulxin imma kull xogħol fih tiegħu. Dak kien żmien ieħor. Tkun għadek żgħir mod ieħor, tkun tiflaħ taħdem u kollox. Fuq ix-xarabank konna niltaqgħu ma’ ħafna nies u t-triq kienet mod ieħor, it-traffiku u kollox.

Ix-xogħol bit-trakk laqqagħni ma’ nies oħrajn u hawn bdiewa u raħħala li ilni naħdem magħhom fuq 40 sena. Issib minn kollox imma fejn u possibbli tara kif tagħmel biex iżżomm il-ħbiberija. 

Inħoss li l-aħħar ċiklu ta’ dan ix-xogħol għaż-żgħar li għadhom tilgħin. Mhux se nibqgħu nsibu nies li jidħlu għal din ir-responsabbiltà ta’ tmexxija ta’ razzett bl-isfidi kollha li ġġib magħha. L-elementi hemm ukoll.  Naħseb mhux ir-raħħala biss, l-istess storja l-bdiewa. Jalla mhux kif ngħid jien imma l-esperjenza hekk qiegħda turi. In-nies jonqsu qegħdin mhux jiżdiedu.

Illum l-ispejjeż kbar. Jien allaħares ma naqbadx il-pensjoni għax dan ix-xogħol ma nagħmlux għall-flus. Dawn l-inġenji m’għadekx taqla’ flus minnhom. Tmur tagħmel biċċa xogħol bil-gaffa u t-trakk illum u għada tmur tistartja u ssib il-ħsara. 

It-tabib jgħidli naqqas naqqas. M’għadnix naħdem xi xogħol għax issa aħna li aħna. Ilni snin ngħid li se nieqaf imma jekk tkun dilettant xi trid tagħmel? Hawn min saħansitra jgħidli li jien fuq il-gaffa mmut… min jaf!”

Carmelo Borg (magħruf bħala l-Badise); eks xufier tax-Xarabank u burdnar tal-ġarr tad-demel.

Ekonomija

Sport