Wednesday, July 24, 2024

It-Tieni Edizzjoni tat-Tazza Reġjun Kunsilli Lokali tan-Nofsinhar

Aqra wkoll

Wara s-suċċess li kisbet it-Tazza tar-Reġjun Kunsilli Lokali tan-Nofsinhar is-sena l-oħra, din is-sena kulħadd qed jistenna bil-ħerqa t-tieni edizzjoni li se ssir nhar il-Ħadd li ġej fil-Malta Equidrome. L-aspettattiva u l-interess huwa wieħed kbir hekk kif saru magħrufa ż-żwiemel li se jkunu qed jipparteċipaw f’din it-tieni edizzjoni b’numru ta’ żwiemel ġodda li ddebuttaw propju f’din il-kompetizzjoni.

L-iskop li permezz ta’ din it-tiġrija spettaturi minn diversi lokalitajiet li jiffurmaw parti mir-Reġjun tan-Nofsinhar jassoċjaw ruħhom ma’ żiemel partikolari u jappoġjawh fit-tentattiv tiegħu li jirbaħ dan l-unur intlaħaq sew is-sena l-oħra u għalhekk il-President tal-Kunsill tar-Reġjun tan-Nofsinhar is-Sur Jesmond Aquilina mill-ewwel laqa’ t-talba tal-Malta Equidrome sabiex issir din it-tieni edizzjoni.

Filfatt grazzi għall-għajnuna u l-koperazzjoni totali tar-Reġjun tan-Nofsinhar il-pubbliku in ġenerali se jkun jista’ jgawdi dan l-ispettaklu ta’ tiġrija tal-ogħla klassi. Is-Sur Aquilina qal li hija prerogattiva tar-Reġjun tan-Nofsinhar li jħajjar lill-familji jkunu aktar parteċipi f’attivitajiet sportivi u kulturali li jsiru fl-apert u mhux jibqgħu magħluqin ġo djarhom u attività bħal din tiġġenera wkoll sens ta’ parteċipazzjoni u interess akbar b’żiemel li qed jikkompeti f’isem il-lokalità tagħhom.

Waqt konferenza stampa li saret fil-Malta Equidrome t-tnax-il kunsill lokali ġew abbinati ma’ wieħed miż-żwiemel finalisti permezz ta’ polza li ttellgħet mir-rappreżentant ta’ kull kunsill lokali filwaqt li l-President tar-Reġjun Jesmond Aquilina tella’ l-polza tan-numri għal wara l-karozza tat-tluq.

Dan kollu sar fil-preżenza tas-Sur Anthony Demanuele Viċi Chairman tal-Malta Racing Club, Uffiċjali tal-Malta Equidrome u s-sidien taż-żwiemel finalisti.

Total ta’ €3200 fi premjijiet se jitqassmu f’din it-tiġrija apparti trofew u għata kommemorattiva li se jieħu ż-żiemel rebbieħ. Sintendi hemm ukoll ix-shield li jitnissel fuqha ż-żiemel rebbieħ u li tinżamm għal-sena mill-Kunsill Lokali abbinat miegħu.

Is-sidien taż-żwiemel finalisti se jkunu qed jirċievu tifkira tal-okkażjoni mingħand il-Kunsill Lokali abbinat miegħu.

Nistennew li nhar il-Ħadd naraw ħafna nies li mhux normali jattendu għat-tiġrijiet taż-żwiemel iżda li se jkunu qed jappoġjaw iż-żiemel rappreżentattiv tal-lokalità tagħhom. Infakkru li s-sena l-oħra x-shield kienet mirbuħa mil-lokalità taż-Żejtun permess taż-żiemel Ellington Dream.

Il-Kunsilli Lokali se jkunu abbinati ma’ dawn iż-Żwiemel

  1. AKELA PLAY – ŻEJTUN
  2. CEPAGE DES ULMES – QORMI
  3. ELIXIR DU BOCAGE – MARSAXLOKK
  4. CAID SLY – STA LUĊIJA
  5. DIZA DU COURTILLE – BIRŻEBBUĠA
  6. DRAGSTER DE BOMO – GUDJA
  7. CAPRICE DE COSSE – STA VENERA
  8. CALL JACK – MARSA
  9. ECLAIR GOLD – ĦAMRUN
  10. LARADJA VRIJTHOUT – GĦAXAQ
  11. RAMPANT – WIED IL-GĦAJN
  12. WHOTHEHILLAREYOU – LUQA
Ekonomija

Sport