L-Andorra Epic, tellieqa tar-roti tal-muntanji fuq erba’ tappep fit-terren imħarbat tal-prinċipalità tal-Pirinej, waslet fi tmiemha aktar kmieni llum, bit-tliet timijiet Maltin kollha jlestu l-avveniment b’suċċess. L-aħħar tappa ntemmet b’mod spettakolari, b’aktar minn 1,000 metru ta’ nżul kontinwu fuq it-trail ta’ Commencal.
Team Gebel u Blat, magħmul minn Andrew Caruana u Brandon Sultana, temm l-erba’ tappepfi 13:45:04.8 biex spiċċa fil-21 post fil-kategorija Masters’ Men u fil-61 post overall.
Il-koppja daħlet fl-aħħar stage b’għan wieħed – li tara lil Sultana jipiċċa t-tellieqa u jiżgura l-istatus tiegħu ta’ Epic Legend, rikonoxximent mogħti lil parteċipanti li jlestu tliet tlielaq Epic differenti. B’dan f’moħħhom, xorta waħda taw l-almu tagħhom, pożizzjonaw ruħhom tajjeb wara l-ewwel telgħa ta’ madwar 1,000 metru qabel komplew jimbuttaw biex iħarsu lejn pożizzjoni tajba fil-klassifika overall.
Wara din it-tellieqa Sultana sar it-tieni ċiklist Malti li kiseb it-titlu ta’ Epic Legend, wara Stephen Grima ta’ Team Gaudos, li ngħata dan l-unur fl-2025 fl-Absa Cape Epic fl-Afrika t’Isfel.
“Li nispiċċa din it-tellieqa fissret ħafna,” qal Sultana. “L-għan tal-lum kien sempliċiment li nlestu t-tellieqa u niksbu l-midalja ta’ Epic Legend, iżda xorta ridna nagħmluha f’ħin tajjeb. Andrew u jien ħdimna tajjeb ħafna, u għalhekk kien ta’ sodisfazzjon li nispiċċawha flimkien.”
It-Tim Maltese Riders – Jeffrey Borg u Antoine Sultana – temmew fil-25 post fil-kategorija Men’s Open u fid-29 post overall b’ħin ta’ 16:37:36.6. Il-koppja kellha tellieqa soda u konsistenti, u telgħet progressivament fil-leaderboard qabel użat kull riżerva ta’ enerġija li kien fadlilha fl-aħħar tappa: rotta ta’ 45km minn La Massana b’1,600m ta’tlajja, li bdiet b’telgħa ta’ 18km fuq singletrack mill-isbaħ; inżul f’wied fejn kellhom telgħa oħra ta’ 12km lejn il-UCI Cross-Country Bike Park. Ir-rotta ntemmet b’niżla mgħaġġla lura lejn ir-raħal.
“Hemm sodisfazzjon kbir meta tlesti tellieqa ta’ dan il-livell,” qal Borg. “Għalissa wasal iż-żmien għall-mistrieħ u l-irkupru – imbagħad naraw x’ikun imiss.”
Team Gaudos (Stephen Grima u Diana Muscat) temmew it-tellieqa fi 16:45:09.2. Huma spiċċaw fil-ħames post fl-aħħar tappa u fis-sitt post fil-klassifika ġenerali tal-kategorija tagħhom. Il-koppja kellha ġurnata diffiċli fit-tappa tal-bieraħ, b’waqgħa li ħalliet lil Muscat midruba u r-rota ta’ Grima bil-ħsara. Huma rkupraw biex spiċċaw it-tellieqa b’saħħithom. L-approċċ tagħhom kien ċar: jaslu sa’tmiem ir-rotta b’mod sigur u jassiguraw ir-riżultat li kienu marru għalih. Muscat kienet b’saħħitha fit-telgħat iżda kienet iktar kawta fin-niżliet.
“Din kienet l-ewwel tellieqa multi-stage tiegħi, u għalkemm il-waqgħa fit-tappa ta’ qabel tal-aħħar kienet daqqa ta’ ħarta, l-appoġġ li ngħatajt u l-esperjenza ta’ Stephen kienu imprezzabbli,” qalet Muscat fi tmiem it-tellieqa. “Żgur li dan għamilha aktar faċli għalija biex inlesti, partikolarment f’mument meta kien hemm dubju jekk kontx se nasal sal-aħħar.”
L-istorja Epic ma tintemmx f’Andorra għal Grima, li se jkun fuq il-linja tat-tluq flimkien ma’ Patrick Scicluna fis-Swiss Epic bejn id-19 u t-23 ta’ Lulju.
Team Gaudos huwa appoġġjat minn Extra Karte, Visit Malta, SG Woodworks Ltd, Raico, National Gypsum Limited Malta, Wurth Malta, Pitre Hardware, Lourdes Opticians, JV Pharma, A. Caruana Enterprises Ltd u Xlendi Supermarket.
Team Maltese Riders huwa appoġġjat minn 3CMalta, Medical Care Malta u Visit Malta.
Team Gebel u Blat huwa appoġġjat minn Visit Malta u Wheel Wizard.
Ir-riżultati uffiċjali jistgħu jinstabu fuq https://www.epic-series.com/races/andorra/results



