Monday, July 6, 2026

L-Esplora jniedi l-Fond Komunitarju għall-Involviment fi STEAM 2026

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora nieda uffiċjalment il-Fond Komunitarju għall-Involviment fi STEAM 2026, skema ta’ grant imfassla biex tappoġġja lil organizzazzjonijiet lokali fl-iżvilupp ta’ proġetti komunitarji innovattivi ffukati fuq ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika (STEAM).

L-għan tal-fond huwa li jipprovdi lil komunitajiet appoġġ finanzjarju għal proġetti li jagħmlu lil STEAM aktar aċċessibbli u attraenti. L-applikanti eliġibbli jinkludu skejjel, kunsilli lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), fondazzjonijiet, mużewijiet, galleriji tal-arti u organizzazzjonijiet oħrajn ibbażati fil-komunità. Esperjenza preċedenti fl-applikazzjoni għall-finanzjament mhijiex meħtieġa, u kull min huwa involut b’mod attiv fil-komunità tiegħu huwa mħeġġeġ jissottometti proposta.

Is-Sur Silvio Scerri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, qal, “Fi Xjenza Malta, aħna nemmnu li x-xjenza toħloq l-akbar impatt meta tilħaq il-komunitajiet tagħna. Il-Fond Komunitarju għall-Involviment fi STEAM jappoġġja ideat u sħubijiet lokali li jixprunaw l-involviment u jipprovdu l-innovazzjoni lin-nies. Inħeġġu lill-organizzazzjonijiet eliġibbli biex jieħdu din l-opportunità u jibdlu l-ideat f’impatt reali.”

Proġetti li jirnexxu jistgħu jirċievu grant sa €12,000, b’70 % tal-finanzjament approvat żborżat bil-quddiem mal-iffirmar tal-ftehim tal-grant, li jippermetti lill-organizzazzjonijiet jibdew jimplimentaw il-proġetti tagħhom minnufih

Sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta’ inizjattivi STEAM ta’ kwalità għolja, kull proġett iffinanzjat irid jinbena fuq pedament xjentifiku b’saħħtu u jinvolvi kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjoni komunitarja u professjonist ta’ STEAM.

L-applikazzjonijiet għall-Fond Komunitarju għall-Involviment fi STEAM 2026 infetħu fl-1 ta’ Lulju 2026 u se jibqgħu miftuħa sad-19 ta’ Awwissu 2026. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online permezz tal-portal tal-applikazzjonijiet disponibbli fuq il-webpage tal-fond.

Sabiex jassisti lill-applikanti prospettivi, Esplora se jkun qed jorganizza żewġ sessjonijiet ta’ informazzjoni online fit-8 ta’ Lulju 2026. Sessjoni bl-Ingliż se ssir fl-10:30 segwita minn sessjoni bil-Malti fil-17:00. Il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità jitgħallmu aktar dwar il-fond, il-proċess ta’ applikazzjoni u l-kriterji ta’ eliġibbiltà, kif ukoll jistaqsu kwalunkwe mistoqsijiet li jista’ jkollhom. Is-sessjonijiet se jiġu rrekordjati u jittellgħu online wara.

Is-Sa Mary Ann Cauchi, Senior Director ta’ Esplora, qalet li, “Permezz tal-Fond Komunitarju tal-iSTEAM Engagement 2026, l-Esplora qiegħed isaħħaħ ir-rwol tiegħu lil hinn miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza billi jqarreb ix-xjenza, il-kreattività u l-innovazzjoni lejn il-komunitajiet. Dan il-fond huwa stedina għal organizzazzjonijiet lokali biex jittrasformaw l-ideat fi proġetti sinifikanti li jispiraw il-kurżità, iwessgħu l-aċċess għal STEAM, u joħolqu impatt fit-tul għal nies ta’ kull età madwar Malta u Għawdex.”

Il-linji gwida tal-fond, id-dettalji tal-applikazzjoni u l-links tas-sessjoni ta’ informazzjoni huma disponibbli fuq https://esplora.org.mt/steam-engagement-community-fund-2026/.

Għal aktar informazzjoni, l-applikanti prospettivi jistgħu jikkuntattjaw lit-tim ta’ Esplora billi jibagħtu email lil [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport