Monday, July 6, 2026

Inkomplu ninvestu fir-rintegrazzjoni soċjali ta’ persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ ħabs

Aqra wkoll

 Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu favur ir-riintegrazzjoni soċjali ta’ persuni li jkunu qed jiskontaw l-aħħar parti tas-sentenza ta’ priġunerija tagħhom permezz tas-servizzi offruti minn Dar Bla Ħitan, residenza fil-komunità mmexxija mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl u mħaddma permezz ta’ ftehim mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà.

 Dan qalu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield waqt żjara f’Dar Bla Ħitan, fejn iltaqa’ mar-residenti, mal-istaff u mat-tmexxija tal-Fondazzjoni biex jiddiskuti l-ħidma li qed issir favur ir-rintegrazzjoni u l-appoġġ mogħti lil persuni li qed jagħmlu t-tranżizzjoni lura lejn il-komunità.

Il-Ministru Glenn Bedingfield qal li l-ftehim mal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl huwa eżempju konkret tal-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’servizzi speċjalizzati li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ persuni u familji li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi soċjali.

“Nemmen li kull persuna għandha tingħata opportunità reali biex terġa’ tibni ħajjitha u ssib postha fis-soċjetà. Ir-riintegrazzjoni ma tieqafx mal-ħelsien mill-ħabs, iżda hija proċess li jirrikjedi appoġġ, gwida u opportunitajiet konkreti. Meta ninvestu f’servizzi bħal dawn inkunu qed noħolqu komunitajiet aktar b’saħħithom, aktar inklużivi u aktar siguri,” sostna l-Ministru.

Huwa żied li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-soċjetà ċivili hija kruċjali biex persuni jingħataw iċ-ċans li jerġgħu jibnu ħajjithom b’dinjità u b’responsabbiltà.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, George Busuttil, qal li l-ftehim mal-Ministeru jippermetti lill-Fondazzjoni toffri servizzi komprensivi li jindirizzaw kemm il-ħtiġijiet tal-individwu kif ukoll dawk tal-familja. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-appoġġ lit-tfal u lill-familji li jiġu affettwati mill-esperjenza tal-ħabs.

Matul iż-żjara, wieħed mir-residenti spjega kif il-programm ta’ Dar Bla Ħitan kien kruċjali biex jerġa’ jikseb il-fiduċja fih innifsu. “Meta jkollok nies li jemmnu fik, tibda temmen aktar fik innifsek ukoll,” qal ir-resident.

Il-Koordinatur għas-Servizzi Residenzjali, Dorianne Apap, spjegat li l-programm ta’ Dar Bla Ħitan huwa mqassam f’erba’ fażijiet u jinkludi terapija individwali u fi grupp, taħriġ, opportunitajiet ta’ impjieg u volontarjat, sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jagħmlu tranżizzjoni gradwali u sostenibbli lejn ħajja indipendenti fil-komunità.

Dar Bla Ħitan hija waħda mit-tliet servizzi pprovduti mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl permezz tal-ftehim mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà. Minbarra r-residenza, il-ftehim jinkludi wkoll servizzi ta’ appoġġ u terapija għall-familji, kif ukoll programm ta’ żjarat speċjalizzati bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom f’ambjent apposta, bil-għan li jissaħħu r-rabtiet familjari u tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni soċjali.

Għal aktar minn tletin sena, il-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl ilha taħdem biex tappoġġja persuni u familji affettwati mill-esperjenza tal-ħabs, filwaqt li tkompli tippromwovi r-riabilitazzjoni u l-inklużjoni soċjali bħala elementi essenzjali għal komunità aktar b’saħħitha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport