Saturday, May 4, 2024

It-Tnejn jibda l-Kampjonat Ewropew tas-Snooker f’Albena, fil-Bulgarija

Aqra wkoll

Wara li f’Marzu li għadda f’Malta kienu saru l-aktar kategoriji importanti tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker, it-Tnejn f’Perunika Hall f’Albena, l-Bulgarija, l-European Billiards & Snooker Association tibda bl-organizazzjoni ta’ numru ta’ kategoriji oħra fejn tmien players Maltin ser ikunu qed jieħdu sehem.

F’dawn il-kampjonati ser isiru b’kollox sitt kategoriji differenti li huma dawk tas-Seniors tal-Irġiel, bejn il-5 ta’ Ġunju sad-9 ta’ Ġunju, is-6 Reds Individwali bejn it-8 ta’ Ġunju u l-11 ta’ Ġunju, x-Shoot Out Individwali li ssir fuq jumejn, fil-11 u t-12 ta’ Ġunju filwaqt li l-ġimgħa d-dieħla bejn it-12 ta’ Ġunju u s-17 ta’ Ġunju jsir il-Kampjonat miftuħ għat-timijiet kemm tal-Irġiel kif ukoll tas-Senior fejn Malta ser tkun irrappreżentata b’erba’ timijiet, tnejn f’tal-Irġiel u tnejn tas-Seniors. Ma dawn hemm ukoll il-kategorija tan-nisa pero’ li fiha Malta ma tieħux sehem.

It-tmien players Maltin li ser jieħdu sehem matul dawn it-tlettax il-ġurnata ta’ kompettizjonijiet ser ikunu, ċ-champion lokali Aaron Busuttil li ser ikun qed jipparteċipa kemm fis-6 Reds u anke fix-Shoot Out filwaqt li miegħu f’Team A ser ikollu lil Isaac Borg. Missier Isaac, il-veteran, Alex Borg ser jieħu sehem fil-kompetizzjonijiet individwali kollha kif ukoll f’Team A tas-Seniors tal-Irgiel flimkien ma’ Duncan Bezzina li minn naħa tiegħu ser ikun qed jilgħab għax-Shoot Out ukoll.

Arthur Cachia u Philip Ciantar li bħal Alex ser jibdew l-impenji tagħhom kmieni waqt il-kategorija tas-Seniors Individwali ser ikunu l-koppja li jiffurmaw Team B fil-kategorija tas-Seniors filwaqt individwalment ser jieħdu sehem ukoll fis-6 Reds. It-tim l-ieħor fil-kategorija tal-irġiel ser ikunu Chris Peplow u Joseph Casha fejn Peplow ser jieħu sehem fix-Shoot Out ukoll.

Iż-żewġ players li għandhom il-logħob f’din l-ewwel gurnata huma Philip Ciantar li ser jilgħab kontra l-Bulgaru, Boris Lazarkov filwaqt li l-aversarju ta’ Arthur Cachia ser ikun Michael Peyr tal-Awstrija. Alex Borg peress li jinsab fi grupp bejn tlieta biss l-ewwel logħba tiegħu tkun it-Tlieta.

Dawn il-kampjonati jiġu fi tmiemhom is-Sibt 17 ta’ Ġunju.

Sport