Wednesday, April 17, 2024

IT-TNIĠĠIŻ TAL-PLASTIK FIL-MEDITERRAN

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

Żgur li mhux waħdi li għandi memorji ta’ ġranet sbieħ ħdejn il-baħar u tgħallimt napprezza l-baħar u dak kollu li hu, wisq aktar meta ffukajt l-istudji tiegħi dwaru u dwar l-ispeċi meraviljużi li jgħixu fih. Il-baħar Mediterran huwa meqjus bħala wieħed mill-isbah ibħra fid-dinja u għalkemm huwa biss 1% mill-oċeani kollha, huwa wieħed mill-aktar ibħra sinjuri fil-biodiversità. Studji juru li qrib 18% tal-ispeċi tal-baħar jgħixu fil-Mediterran, u dan hu possibbli minħabba l-klima li tiffavorixxi l-abitat ta’ diversi kreaturi marittimi.

Sfortunatament, il-baħar Mediterran jinsab ukoll l-ewwel post għat-tniġġis mill-plastika meta kkumparat mal-bqija tal-ibħra Ewropej. Rapport tal-IUCN jindika illi madwar 229,000 tunnellata ta’ plastik, ekwivalenti għal 500 kontainer tal-merkanzija, qed isibu ruħhom ġol-qiegħ tal-baħar Mediterran. Hu stmat jekk ma jittieħdux miżuri mill-aktar fis possibli, dan l-ammont jista’ jirdoppja faċilment sal-2040.

Il-plastika hija produzzjoni ta’ natura rħisa imma l-immaniġjar ta’ skart u tniġġis li toħloq huwa ta’ prezz għoli fuq is-soċjetà u wisq aktar fuq in-natura. Huwa stmat li madwar 380 miljun tunellata ta’ plastik tiġi prodotta f’sena madwar id-dinja, 50% minnhom huma prodotti għal mono użu, jiġifieri dawn il-prodotti jispiċċaw skart wara biss ftit minuti li jintużaw u jiġġeneraw skart li jdum fl-ekosistema marittima għal għexieren, jekk mhux anke mijiet ta’ snin, u jikkawżaw problemi serji f’dan ir-rigward.

Diversi speċi diġà nqerdu u oħrajn huma mhedda minn dan it-tniġġis. Il-plastika fil-baħar qed tfixkel ukoll iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ ħafna kreaturi minħabba l-effetti ta’ biċċiet mikroskopiċi tal-plastik li jissejħu ‘micro plastics’ li jidħlu fl-ekosistema marittima. Dawn il-biċċiet mikroskopiċi jistgħu jikkawżaw tossiċità kimika u fiżika f’dawn l-ispeċi fosthom stress, problemi reproduttivi, u bidliet fl-imġiba naturali tagħhom li jaffetwaw lill-istess speċi.

L-impenn globali u reġjonali sabiex jonqos l-impatt tal-plastik fuq l-ambjent marittimu ġie ffirmat permezz tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona li l-għan hu li tippreveni tipi differenti ta’ tniġġis fil-Mediterran. Dan kien segwit minn Pjan Reġjonali għall-Immaniġjar tal-Iskart Marittimu fil-Mediterran li daħal fis-seħħ fl-2013 bħala pjan li jobbliga lill-istati membri biex jaħdmu bi sħiħ għall-ġlieda kontra t-tniġġis. Diġà hemm impenn fis-seħħ biex prodotti bħal boroż u basktijiet tal-plastik ma jibqgħux jintużaw u industriji kbar urew protezzjoni tal-marka tagħhom favur l-ambjent billi fil-futur qarib se jwaqqfu il-bejgħ ta’ prodotti li jintremew wara l-ewwel użu tagħhom.

Alicia Bugeja Said ; kandidata Laburista

F’Malta saru diversi inizzjattivi fosthom impenn fuq ir-riċiklar tal-prodotti kif ukoll għarfien għall-pubbliku inġenerali sabiex tiżdied il-kuxjenza favur ibħra aktar nodfa. ‘Fishing for Litter’ hija skema ta’ nċentivar lejn is-sajjieda u fl-istess ħin qed tgħin fit-tindif tal-plastik mill-baħar. Sajjieda huma mitluba jinkitbu f’din l-iskema biex waqt is-sajda tagħhom il-plastika u skart ieħor li jinsab fil-baħar jinġabar minnhom u skont l-ammont ta’ skart preżentat, is-sajjied jitħallas. Il-kampanja ‘Saving our Blue’ hija inizzjattiva oħra li teduka u tgħarraf lill-pubbliku fuq livell nazzjonali dwar l-importanza tal-ambjent marittimu u l-kreaturi li jgħixu fil-baħar Mediterran. Fl-istess ħin tinforma lin-nies bir-riskju u l-ħsara li qed tiġi kawżata mit-tniġġis tal-plastik fil-baħar. Din il-kampanja hija ukoll imfassla biex tikkollabora ma’ NGOs u s-settur privat biex jitnaqqas l-użu tal-plastik.

Fuq livell ta’ konsumatur, għandna rwol importanti wkoll sabiex kemm jista’ jkun innaqqsu d-dipendenza fuq prodotti tal-plastik tal-mono użu, u li nisħqu fuq l-prinċipji ta’ “Reduce, Reuse, Recycle” sabiex verament nikkontrollaw il-livelli ta’ konsum u nnaqqsu l-produzzjoni ta’ skart fil-baħar Mediterran u lil hinn minnu. Bħal ma nafu, Malta u d-diversi pajjiżi tal-Mediterran għandhom dipendenza importanti fuq il-baħar bħala riżorsa importanti. Fost niċeċ ekonomiċi differenti li jiddependu mill-baħar insibu s-sajd u l-akkwakultura, it-turiżmu u r-rikreazzjoni marittima, it-trasport u ġarr tal-merkanzija. Dawn id-diversi attivitajiet ikomplu jindikaw kemm il-baħar Mediterran huwa sors importanti mill-aspett ekonomiku u soċjali u li jeħtieg attenzjoni ambjentali. Li nissalvagwardjaw is-sostennibilità tal-ibħra ta’ madwarna għandha tkun prijorità ewlenija għal kull pajjiż fid-dinja.

Bi ftit attenzjoni minn kulħadd, nistgħu ntejjbu s-sitwazzjoni u niffokaw aktar fuq soluzzjonijiet permanenti. Nemmen li l-edukazzjoni u, wisq aktar, b’tixrid tal-għarfien tal-problema wieħed jista’ jasal għal għan aħħari sabiex jonqos it-tniġġis tal-plastik, għan li bih igawdi kulħadd. Għalhekk nistieden lil kull min qed jaqra dan l-artiklu sabiex iwassal messaġġ ta’ kuraġġ favur l-ambjent tagħna għax kemm il-problema kif ukoll is-soluzzjoni għanda tkun responsabiltà ta’ kull wieħed u waħda minna.

Ekonomija

Sport