Wednesday, March 27, 2024

Tmien snin ħabs wara li stupra diversi drabi lil bint is-sieħba ta’ 14-il sena

Aqra wkoll

Raġel ta’ 40 sena ntbagħat tmien snin ħabs wara li ammetta li stupra diversi drabi lit-tifla tas-sieħba tiegħu, meta kellha 14-il sena.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien mixli bi stupru aggravat fuq il-minuri, f’każi li jmorru lura għall-perjodu bejn Ottubru 2015 u Awwissu 2017.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta social worker fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ għamlet rapport lill-Pulizija fejn qalet li rċeviet informazzjoni kunfidenzjali dwar minorenni li setgħet kienet vittma ta’ abbuż sesswali.

Mill-investigazzjonijiet li saru, irriżulta li t-tifla ta’ 14-il sena kienet qiegħda tiġi abbużata mis-sieħeb ta’ ommha, li kien jgħix fid-dar magħhom f’Ħaż-Żabbar.
Il-vittma, li ġiet mitkellma mill-pulizija fil-preżenza ta’ ommha, identifikat lis-sieħeb ta’ ommha bħala l-persuna li allegatament abbuża minnha. Il-pulizija rriżultalhom li t-tifla kienet ġiet stuprata f’diversi okkażjonijiet, bl-akkużat jisforza ruħu fuqha waqt li hija kienet tkun rieqda fil-kamra tagħha.

Ir-raġel ma kienx ċaħad l-azzjonijiet tiegħu meta ġie arrestat mill-pulizija u qal li kien iddispjaċieh għal dak li għamel.

Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, l-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi ta’ stupru ta’ minorenni, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt l-età u li kkorrompa tifla li suppost kien qed jieħu ħsieb.

L-Imħallef Scerri Herrera nnotat li l-ammissjoni tiegħu saret qabel ma l-akkużat kien se jgħaddi ġuri, iżda ddeċidiet li din ma setgħetx titqies bħala ammissjoni bikrija.

Il-Qorti kkundannatu għal piena ta’ tmien snin priġunerija u ordnatlu jħallas €575.60ċ fi spejjeż tal-Qorti.

Ekonomija

Sport