Wednesday, March 27, 2024

“It-traffikar ta’ persuni huwa meta persuna tuża persuna oħra għall-gwadann personali tagħha”

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tagħmel 
parti mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal (MSPC). Il-Fondazzjoni hija l-aġenzija nazzjonali ta’ ħarsien soċjali f’Malta u Għawdex u toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 1,000 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom (73%) huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żgħażagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn. L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179, 1772 u 1778 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem ma’ Martina Sammut Testa li hija Service Area Leader dwar il-ħidma li titwettaq fis-servizz tat-Traffikar ta’ Persuni, li huwa servizz ġdid li huwa parti  mill-Intake and Family Support Service (IFSS) fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ. 

Xi jfisser meta ngħidu traffikar ta’ persuni? 

It-traffikar ta’ persuni huwa meta persuna tuża persuna oħra li tista’ tkun ta’ kull nazzjonalità u età għal gwadann personali tagħha. Bl-ingliż traffikar ta’ persuni jissejjaħ ‘human trafficking’ jew ‘trafficking of persons’. Biex każ jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ traffikar, irid ikun hemm tliet fatturi;

L-Azzjoni – eżempju r-reklutaġġ, il-moviment minn post għall-ieħor u t-trasport,  

Il-Mezz – il-mezz kif jinżammu taħt kontroll eżempju l-abbuż fiżiku u psikoloġiku, it-theddid fuq il-persuna jew fuq il-familjari,  

Ir-Raġuni – x’inhu l-iskop? Jekk hux sfruttar ta’ xogħol jew sfruttament sesswali. 

Liema servizz fl-Aġenzija Appoġġ jgħin lil dawn il-persuni? 

Is-Servizz tat-Traffikar ta’ Persuni jaqa’ taħt l-Intake and Family Support Service (IFSS) fejn bħalissa għandha proġett tal-Unjoni Ewropea li hu ffinanzjat mill-Asylum and Migrant Integration Funds (AMIF) li jismu ‘All Equal: Supporting Victims of Trafficking’ li l-iskop tiegħu huwa li jgħin lil persuni li huma vittmi ta’ traffikar. 

Il-ħaddiema soċjali kif jiġu nvoluti f’każijiet ta’ traffikar ta’ nies? 

Il-ħaddiema soċjali għandom irwol importanti ħafna kemm fil-prevenzjoni u anke fl-interventi ma’ dawn il-vittmi. Skont il-ftehim li għandna mal-Korp tal-Pulizija, dawn huma kommessi li jinfurmawna f’każijiet ta’ persuni li huma vittmi ta’ traffikar. Apparti l-Pulizija jista’ jkun hemm ukoll entitajiet oħrajn kemm tal-gvern kif ukoll Għaqdiet Mhux Governattivi (NGOs) li jagħmlu kuntatt magħna. F’każijiet oħrajn kienu l-persuni stess li għamlu kuntatt dirett magħna billi jew żaru l-Aġenzija Appoġġ jew ċemplu s-Supportline 179. F’kull sitwazzjoni li jkun hemm, peress li s-servizz tagħna mhuwiex obbligatorju, l-persuna tista’ ma taċċettax l-għajnuna li nipprovdu. 

X’jinvolvi l-assessjar tal-ħaddiema soċjali? 

L-assessjar tagħna jista’ jinqasam fuq għadd ta’ sessjonijiet biex inħallu l-persuna tirrakkpnta l-esperjenza tagħha bil-pass tagħha. F’dawn il-każijiet inkunu ħafna sensittivi u nifhmu li l-persuna tkun għaddiet minn trawma u li jkun hemm bżonn iż-żmien biex jiksbu l-fiduċja fina. Il-post ta’ fejn nitkellmu mal-vittmi huwa importanti daqs il-mistoqsijiet li nistaqsu. Jista’ jagħti l-każ li l-vittmi jkunu ilhom jiġu mhedda li jekk jitkellmu jistgħu jiġu deportati u għalhekk tkun diffiċli jafdaw lil xi ħadd u b’hekk importanti li nitkellmu mal-vittma f’post sigur fejn iI-vittma tħossha protetta u komda. Minkejja li jkun hemm drabi fejn il-vittmi jkunu grupp, l-assessjar isir ma’ kull persuna individwali biex jinħoloq pjan ta’ kura għal kull persuna skont il-bżonnijiet tagħha. Waqt l-assessjar aħna nkunu qed naraw ukoll jekk il-persuna hix qiegħda f’riskju u jekk għandhiex bżonn li titlaq malajr kemm jista’ jkun. Wara li nkunu nafu li l-persuna qiegħda sikura u li l-bżonnijiet bażiċi tagħha ġew milqugħa, aħna nibdew nimxu iktar għal bżonnijiet l-oħrajn li jista’ jkun hemm biex il-persuna tkun tista’ terġa’ tibda tgħix ħajjitha b’mod normali ’l bogħod mill-kontroll u l-abbuż tat-traffikant. 

X’assistenza tiġi offruta lill-vittmi? 

L-assistenza tagħna tvarja skont il-bżonn tal-persuna. Bħal kif semmejt, l-ewwel ma naraw huwa r-riskju li l-persuna tkun fih u f’dak il-każ nistgħu noffrulha xelter. Wara naraw il-bżonnijiet soċjali, sapport morali, psikoloġiku u legali. L-għan tagħna huwa li matul iż-żmien li qed naħdmu magħha l-persuna tkun integrata fis-soċjetà biex jitnaqqas ir-riskju li terġa’ tispiċċa f’sitwazzjoni ta’ sfruttar. 

Ma’ liema servizzi u professjonisti taħdmu? 

Bħala servizz naħdmu ma’ psikoloġiċi, avukati u pulizija. Barra minn hekk nagħmlu wkoll kuntatt ma’ servizzi oħrajn bħal Identity Malta biex dawn ikunu jistgħu jingħataw status legali, mad-Department For Industrial and Employment Relations (DIER) li jgħinu fejn ikun hemm sfruttar ta’ xogħol kif ukoll mal-Jobsplus biex ikun jista’ jkollhom impjieg legali. 

Minkejja s-sitwazzjonijiet diffiċli li tiltaqgħu magħhom, ikun hemm stejjer ta’ suċċess? 

Aħna nemmnu li meta persuna tinqala mis-sitwazzjoni ta’ sfruttar u timxi lejn l-indipendenza tagħha dik hija storja ta’ suċċess fiha nnifisha. Il-messaġġ tagħna huwa li għalkemm ma nistgħux inbiddlu dak li ġara qabel, aħna qiegħdin hawn biex ngħinu u min ifittex l-għajnuna se jsibha dejjem minn għandna.  

X’għandu wieħed jagħmel jekk jaħseb li għaddej minn din is-sitwazzjoni? 

Huwa importanti ħafna li ma ngħalqux għajnejna għal dawn is-sitwazzjonijiet għax inkunu qed nagħmluha iktar possibbli għat-traffikanti li jabbużaw lil persuni vulnerabbli. F’każijiet fejn hemm xi suspett (anke jekk mhux b’ċertezza) wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Pulizija jew mal-Aġenzija Appoġġ fuq 22959000 jew is-Supportline 179. Jekk hi iktar faċli wieħed jista’ jsibna wkoll fuq il-paġna ta’ Facebook ‘All Equal Supporting Victims of Human Trafficking’ u jagħmel ir-rapport tiegħu hemm. Jekk xi ħadd jaf personalment lil xi vittmi ta’ traffikar jista’ wkoll iħeġġiġhom biex jagħmlu kuntatt magħna biex jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa. 

Ekonomija

Sport