Saturday, December 28, 2024

IT-TRANŻIZZJONI DIĠITALI U X-XOGĦOL

Cressida Galea
Cressida Galea
Ekonomista

Aqra wkoll

Ilbieraħ għamilt intervent fil-konferenza tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew bit-titlu ta’ ‘It’s Your Europe, Have Your Say!’ fejn tkellimt dwar l-impatt tat-transizzjoni diġitali fuq is-soċjetà u d-dinja tax-xogħol. 

It-tranżizzjoni diġitali għandha tkun ġusta u inklussiva u użata fis-servizz taċ-ċittadini. L-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-soċjetà u d-dinja tax-xogħol qed jikber u se jkompli jikber. Iżda t-tranżizzjoni hija waħda b’ħafna aspetti. 

L-introduzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, u l-espansjoni ta’ swieq diġitali qed joħolqu sfidi ġodda għal ċerti industriji u għar-relazzjonijiet tax-xogħol. U għalhekk il-mistoqsija li rridu nwieġbu għandha tkun: fil-kuntest ta’ dawn il-bidliet trasformattivi, kif nistgħu niżguraw li t-tranżizzjoni diġitali ma sseħħx għad-detriment tad-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema?

Hemm numru ta’ inizjattivi proposti mill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li t-tranżizzjoni diġitali sseħħ b’mod ġust. Eżempju ta’ dan huwa li l-liġi tax-xogħol għanda tiġi adattata biex tiffaċċja dawn l-isfidi ġodda.

Għalkemm l-impatt tat-teknoloġija jista’ jkun pożittiv, hemm numru kbir ta’ impjegati li jibżgħu li jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom bħala konsegwenza ta’ bidliet teknoloġiċi. Il-bidliet fis-swieq tax-xogħol qed iżidu l-pressjoni u l–ansjeta’ fuq il-ħaddiema fejn dawn huma meħtieġa jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom billi jerġgħu jħarrġu (re-skilling) u jtejbu (up-skilling) l-ħiliet biex ikunu jistgħu jaddattaw għad-domandi l-ġodda tas-suq tax-xogħol. Għalhekk l-edukazzjoni u taħrig kontinwu għandhom ikunu pilastri ewlenin sabiex niżguraw effetti minimi fuq il-ħaddiema.  

Ma nistax ma nsemmix u nenfasizza wkoll li n-nisa huma aktar vulnerabbli għal dawk il-bidliet billi ħafna drabi jħallu s-suq tax-xogħol fil-bidu tal-karriera tagħhom biex isiru ommijiet u għalhekk tkun aktar diffiċli biex ikollhom aċċess għal programmi ta’ taħriġ mill-ġdid wara li jerġgħu jidħlu fil-dinja tax-xogħol. 

Il-kuntest makroekonomiku għandu rwol pjuttost sinifikanti f’dan ir-rigward. Għandna bżonn nagħmlu s-swieq tax-xogħol u s-soċjetajiet tagħna aktar reżiljenti għax-xokk fil-livell makroekonomiku u l-protezzjoni soċjali għandha rwol kbir. L-indirizzar tad-differenza fil-ħiliet, ir-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali u t-titjib tas-sitwazzjoni makroekonomika tal-pajjiż jeħtieġ li jimxu id f’id.

Ekonomija

Sport