Wednesday, March 27, 2024

“IT-TREJDJUNJONIŻMU FADAL ŻMIENU?”

Aqra wkoll

“Iva” jwieġeb Sammy Meilaq f’tislima li kiteb ftit ilu lill-Patri Dumnikan Ġwann Xerri li miet kważi sena ilu l-Brażil u tul ħajtu ħadem favur il-ħaddiema, il-fqar u l-imwarrbin. Kif jiddeskrivieh: “Fra Ġwann dejjem baqa’ sod fil-fidi tiegħu fil-Vanġelu veru tan-Nazzarenu u qatt ma xaqleb lein il-vanġelu-falz neo-liberali li tant huwa dominanti llum.”

Sammy Meilaq ukoll għex ħajtu jaħdem favur il-ħaddiema. Daħal jaħdem fit-Tarzna ta’ Malta ta’ eta` żgħira u serva bħala Chairman fil-kunsill tat-tmexxija mill-ħaddiema waqt li baqa’ ħaddiem eżemplari, jagħmel il-ġurnata tax-xogħol u jgħix il-valuri tal-ġustizzja u s-solidarjeta`. Għamel snin twal jaqbeż għall-ħaddiema b’mod qawwi kemm fi ħdan il-Partit Laburista, kif ukoll il-General Workers’ Union, b’lealta` lejn il-valuri tal-ġustizzja soċjali u mhux xi lealta` għamja lejn l-organizzazzjonijiet infushom.

Fl-artiklu tiegħu f’”Ġustizzja, Impenn u Solidarjeta`” (Jannar-Marzu 2022, Patrijiet Dumnikani, Valletta) Sammy Meilaq jgħid: “Hemm bżonn iktar minn qatt qabel li l-ħaddiema jingħaqdu f’unions biex iħarsu d-drittijiet u jiġġieldu għall-interessi tagħhom.” Isemmi kif il-ħaddiem qed jiġi mneżża` minn kull sigurta` u dinjita` bix-xogħol prekarju tal-kuntratt definit.

“Il-ħaddiema qed ikollhom jaċċettaw pagi baxxi u kundizzjonijiet ta’ xogħol xejn dinjitużi. Bosta ħaddiema qed ikollhom jaħdmu aktar biex ikollhom livell ta’ għajxien bażiku; ħaġa li qed twassal għal anqas ħin ħieles, u tinwir fil-kwalita` tal-ħajja. Il-ħaddiem ikun jista’ dejjem anqas jippjana għall-futur u ftit se jkollu serħan il-moħħ.”

Jgħid kif bil-wasla tal-ħaddiema barranin li jingħataw pagi baxxi u kundizzjonijiet ħżiena qed idgħajfu wkoll lill-ħaddiema lokali. X’għandhom jagħmlu l-unions? “Xogħol l-unions f’rabta ma’ dan hu li jiġbru flimkien u jgħaqqdu l-ħaddiema, hi x’inhi n-nazzjonalita` tagħhom, u juruhom li għandhom interess komuni li jimmilitaw flimkien.” Il-unions għandhom “jinsistu mal-Gvern li meta joħroġ liċenzji biex jinġiebu ħaddiema barranin, dawn jorbtu lil min iħaddem li jiggarantilhom kundizzjonijiet ta’ xogħol li ma jkunux jammontaw għal cheap labour.”

Aġenda progressiva

Sammy Meilaq jikkritika kif qed jiġi attakkat id-dritt għall-arma industrijali tal-istrajk. “Rajna min jargumenta – inkluż il-Gvern f’azzjoni riċenti ta’ union tal-ħaddiema – li strike għandu jitħalla jsir biss jekk ma jkollux effett!”

Huwa jsemmi wkoll kif “il-kumpaniji kbar privati qed jirnexxielhom jiddominaw id-demokrazija parlamentari fejn jidħlu drittijiet tal-ħaddiema u kif titħaddem l-ekonomija. L-għodda li spiss jużaw huma l-finanzjament tal-partiti politiċi, kif ukoll is-saħħa li għandhom fil-qasam ekonomiku; saħħa li żdiedet wara li bosta oqsma meħtieġa għat-tħaddim tal-ekonomija, kif ukoll infrastrutturi, ġew ipprivatizzati.”

Jinsisti: “il-qrubija bejn il-partiti jew kandidati individwali u kumpaniji kbar jew individwi miljunarji li jsostnuhom finanzjarjament għandha tiġi mrażżna.”

Sammy Meilaq jgħid li l-paga minima għandha titla` għal-livell diċenti biex familja ta’ żewġ ġenituri b’żewġ ulied jgħixu diċenti billi jlaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja, kontijiet u kera. Huwa jgħid li l-unions għandhom jaħdmu biex jingħaqdu flimkien fi Trade Union Council jekk iridu jkunu effettivi biex kemm jista’ jkun jieħdu pożizzjonijiet komuni fejn jidħlu drittijiet tal-ħaddiema.

Sammy Meilaq jaghlaq it-tislima tieghu lil Fra Ġwann “għax dejjem ispirani naħdem favur il-ġustizzja soċjali.” Kull fejn kien, dan il-patri Dumnikan dejjem appoġġja lill-ħaddiema u foqra bil-ħsieb, bil-kliem u bil-fatti. Iddefenda lill-ħaddiema tat-tarzna mill-akkuża li kienu sangisugi jfallu l-kaxxa ta’ Malta. Issieħeb ma’ nies progressivi biex l-ambjent ma jinqeridx mill-ispekulaturi u l-bini bl-addoċċ, favur paga minima diċenti, favur l-immigranti, favur il-ħaddiema ta’ kull nazzjonalita` u biex Malta ma terġax tispiċċa bażi ta’ gwerra.

Photo Caption : Fra Ġwann dejjem baqa’ sod fil-fidi tiegħu fil-Vanġelu veru tan-Nazzarenu u qatt ma xaqleb lein il-vanġelu-falz neo-liberali li tant huwa dominanti llum.

Sammy Meilaq jgħid li l-paga minima għandha titla` għal-livell diċenti biex familja ta’ żewġ ġenituri b’żewġ ulied jgħixu diċenti billi jlaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja, kontijiet u kera

Ekonomija

Sport