Lamine Yamal se jitlef il-bqija tal-istaġun domestiku minħabba injury fil-hamstring iżda huwa mistenni li jkun disponibbli għat-Tazza tad-Dinja, skont stqarrija minn Barcelona.
Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena jidher li sofra l-injury waqt li skorja penalty fir-rebħa ta’ 1-0 ta’ Barcelona kontra Celta Vigo il-’LaLiga nhar l-Erbgħa.
Yamal ħareġ izappap bl-għajnuna tal-istaff mediku tal-klabb u kellu jiġi sostitwit, u dan qajjem biża’ li jista’ jitlef it-Tazza tad-Dinja ma’ Spanja qabel ma Barcelona ħarġu stqarrija nhar il-Ħamis.
Din qalet: “It-testijiet ta’ dan il-Ħamis ikkonfermaw li l-plejer tal-ewwel tim Lamine Yamal sofra injury fil-hamstring f’siequ x-xellugija.
“Il-plejer se jsegwi pjan ta’ kura konservattiv. “Huwa se jitlef il-bqija tal-istaġun tal-kampjonat iżda huwa mistenni li jkun disponibbli għat-Tazza tad-Dinja.”
Yamal kien f’forma eċċellenti għal Barcelona dan l-istaġun, fejn skorja 16-il goal u pprovda 11-il assist fi 28 logħba tal-LaLiga filwaqt li żied sitt gowls oħra u erba’ assists f’10 dehriet fiċ-Champions League.
Huwa wkoll plejer ewlieni għal Spanja. Yamal ġie msemmi l-plejer żagħżugħ tat-turnew wara l-kampanja trijonfanti tagħhom fil-Euro 2024 u għandu sitt gowls f’25 dehra għat-tim nazzjonali.
Filwaqt li Spanja huma mistennija li jkollhom lil Yamal disponibbli għat-Tazza tad-Dinja, li tibda fil-11 ta’ Ġunju, Barcelona se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tiegħu għall-kumplament tal-istaġun.
Ir-rebħa tal-Erbgħa kontra Celta Vigo poġġiethom disa’ punti vantaġġ minn Real Madrid fit-tieni post meta għad fadal sitt logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Huma sfaw eliminati miċ-Champions League bit-telfa tagħhom fil-kwarti tal-finali kontra Atletico Madrid.


