Thursday, April 23, 2026

Bidliet storiċi fil-liġijiet tax-xogħol: Aktar drittijiet għall-ħaddiema

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul ħabbar bidliet li se jwasslu biex jissaħħu 32 liġi tax-xogħol f’setturi differenti

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul ħabbar numru ta’ bidliet storiċi li se jtejbu bil-kbir id-drittijiet għal eluf ta’ ħaddiema. Bidliet fil-Wage Regulation Orders (WROs) li se jaraw illi d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu msaħħa u aċċertati għal kull ħaddiem.

Il-bidliet fil-liġijiet tax-xogħol, spjega s-segretarju parlamentari, huma kruċjali biex ikun assigurat sick leave għal kull ħaddiem, jaħdem fejn jaħdem u mill-ewwel ġurnata tal-impjieg. “Sal-lum għandna realtà ta’ postijiet tax-xogħol li jagħtu d-dritt ta’ sick leave wara tliet xhur minn meta impjegat ikun beda jaħdem. Għandna realtajiet wkoll ta’ sick leave li jibda jingħata wara sitt xhur u f’postijiet tax-xogħol oħra jibda jingħata wara sena.”

Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega kif dan kollu se jkun qed jinbidel. Ħabbar illi minn issa ’l quddiem kull ħaddiem se jkollu dritt għas-sick leave sħiħ, mill-ewwel ġurnata tax-xogħol.

Dr Ellul spjega kif realtà oħra tirrigwarda l-Bereavement Leave u l-Marriage Leave fejn jeżistu diskrepanzi, għax min għandu ġurnata leave u min għandu tnejn, skont is-settur li jaħdem fih. “Issa permezz tal-bidliet li qed inressqu kull ħaddiem f’Malta se jkun garantit 3 ijiem ta’ bereavement leave u 3 ijiem oħra ta’ marriage leave,” kompla jgħid Dr Ellul.

Żewġ bidliet oħra huma dawk li jitrattaw l-paga minima.

Is-segretarju parlamentari spjega kif sal-lum żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jitħallsu paga minima inqas mill-adulti fl-istess post tax-xogħol. “Daqs li kieku dawn ma jmorrux ix-xogħol l-istess bħal xulxin jew inkella ma jaħdmux l-istess daqs min hu ikbar minnhom. B’din il-bidla, irrispettivament mill-età tal-ħaddiem, kull min hu regolat b’dawn il-liġijiet tax-xogħol se jaqla’ l-istess paga,” kompla jispjega s-segretarju parlamentari.

Bidla oħra se tassigura li min iħaddem ikopri l-uniformi jew tagħmir protettiv li l-ħaddiem ikollu bżonn, mingħajr ħlas.

Il-Liġijiet tax-Xogħol ikopru 32 settur, li jinkludu setturi mill-artiġjanat għall-uffiċċji ta’ professjonisti, mill-kostruzzjoni għall-ospitalità, mit-trasport sal-platform workersmit-tessuti sal-ħaddiema tas-sigurtà u ħafna industriji oħra. “Dawn il-liġijiet tax-xogħol huma għodod legali,  li jiddeterminaw kif persuna tgħix, kif familja tippjana, u li  ħaddiem ikun trattat b’mod ġust fuq il-post tax-xogħol tiegħu,” spjega Dr Ellul.

Huwa qal li r-raġuni ewlenija li wasslet lill-Gvern biex iwettaq bidliet fil-liġijiet tax-xogħol kien għax dawn baqgħu qatt ma nbiddlu u għalhekk ma jirriflettux ir-realtajiet ta’ prattiċi moderni. “Kienu miktuba għal pajjiż mingħajr ekonomija diġitali, pajjiż mingħajr platform work, u pajjiż mingħajr ix-xogħlijiet u r-realtajiet moderni,” temm jispjega s-Segretarju Parlamentari.

Indirizzat il-Konferenza wkoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impieg (DIER) Diane Vella Muscat. Hija qalet li dawn l-emendi ma seħħewx mil-lum għal għada. “Huma frott ta’ diskussjonijiet, konsultazzjoni u rieda komuni sabiex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.” Hija qalet li mill-perspettiva tal-ħaddiem dawn il-bidliet isaħħu l-protezzjoni u jnaqqsu differenzi li fid-dinja tal-lum ma għadhomx jagħmlu sens. “U mill-perspettiva ta’ min iħaddem jagħtu aktar ċertezza, aktar konsistenza u qafas aktar ċar biex jiġi amministrat.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport