Inawgurat pass importanti għall-kura paljattiva f’Malta, hekk kif il-Gvern qed jinvesti madwar €10.5 miljun fuq perjodu ta’ tliet snin biex jiffinanzja s-servizzi offruti fl-In-Patient Unit ġewwa St Michael Hospice, unit modern b’sittax-il sodda ddedikata għall-pazjenti li jeħtieġu kura speċjalizzata. Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u ċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernadette Bonnici Kind.

Ġie spjegat kif Hospice Malta ilu jipprovdi servizz essenzjali fis-soċjetà Maltija, billi joffri kura paljattiva mingħajr ħlas lil pazjenti li jbatu minn mard serju u progressiv, inkluż kanċer, motor neurone disease, kundizzjonijiet avvanzati respiratorji, tal-qalb, tal-kliewi u tal-fwied, kif ukoll sklerożi multipla u kundizzjonijiet rari oħra.
Il-Unit jinkludi sittax-il kamra privata mgħammra b’faċilitajiet en-suite u aċċess għal ġonna privati, f’ambjent li jixbah dar u li jippromwovi kumdità, serħan il-moħħ u sens ta’ sigurtà. L-approċċ adottat huwa wieħed ħolistiku, li jindirizza mhux biss il-ħtiġijiet mediċi iżda wkoll dawk emozzjonali, soċjali u spiritwali tal-pazjenti u tal-familji tagħhom.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif l-iżvilupp ta’ din l-unit ikompli jsaħħaħ il-viżjoni ta’ kura li tpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru. Spjega kif l-In-Patient Unit se tipprovdi kura għal żmien qasir lil pazjenti b’bżonnijiet kumplessi, b’enfasi fuq l-immaniġġjar tas-sintomi u l-kura fl-aħħar stadji tal-ħajja, dejjem b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-persuna.
Dr Abela qal kif dawn is-servizzi se jkunu appoġġjati minn tim kliniku speċjalizzat, imħarreġ biex jipprovdi kura ta’ kwalità għolja, fejn it-tnaqqis tal-uġigħ fiżiku jingħaqad ma’ appoġġ komprensiv lill-pazjent u lill-maħbubin tiegħu.
“Dan l-investiment huwa parti minn impenn usa’ tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-kura paljattiva f’Malta,” tenna Dr Abela. Il-Ministru Abela kompla billi fakkar kif f’dawn l-aħħar snin ġew implimentati strateġiji nazzjonali biex jiġi żgurat li s-servizzi tas-saħħa jkunu aktar integrati u aċċessibbli, filwaqt li ġiet imsaħħa l-kollaborazzjoni ma’ entitajiet volontarji u sar investiment fit-taħriġ ta’ professjonisti mediċi.
“Il-missjoni tibqa’ waħda ċara, li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u tal-familji tagħhom permezz ta’ kura bbażata fuq il-kompassjoni, id-dinjità u standards għoljin ta’ professjonalità. Il-Gvern u l-partijiet kollha involuti jtennu l-impenn tagħhom li jkomplu jaħdmu flimkien sabiex kull min għandu bżonn kura paljattiva jirċiviha bl-aħjar mod possibbli,” temm jgħid Dr Abela.
Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernadette Bonnici Kind qalet li, “Illum qed titwettaq ħolma ta’ ħafna snin ta’ Hospice Malta.” Hija rringrazzjat lill-pubbliku, lill-Gvern, l-Arċidjoċesi ta’ Malta, lill-Ministeru għas-Saħħa u lill-benefatturi kollha għall-ġenerożità u l-appoġġ kontinwu tagħhom u talli flimkien wettqu dan il-proġett nazzjonali.


