Raġel ta’ 35 sena residenti Ħal Għaxaq ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-qorti mixli li allegatament ta daqqa ta’ ponn lis-sieħba tiegħu. Kien allegat ukoll li qalilha li jekk ma tkunx tiegħu ma’ tkun ta’ ħadd.
L-imputat u l-allegat vittma kienu ilhom f’relazzjoni flimkien ftit aktar minn sena u għandhom tifla ta’ tmien xhur.
Il-Prosekuzzjoni qalet li fil-11 ta’ April, l-imputat kien tefa’ €300 fil-letterbox tal-allegat vittma, iżda aktar tard hu reġa’ mar għalihom. Meta marret biex tatihomlu, allegatament fetaħ il-bieb beraħ u taha daqqa ta’ ponn.
Hu ġie akkużat li kkawża biża’ fuq il-vittma li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha. Hu ġie akkużat ukoll li kkawżalha ġrieħi gravi ta’ natura ħafifa, li hedded lil vittma u li huwa riċediv.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma u li jkunu biss fil-preżenza ta’ xulxin waqt is-seduti fil-Qorti. Kull kommunikazzjoni li tista’ ssir fuq proċeduri ta’ kura u kustodja fuq binthom permezz ta’ medjaturi; l-avukati tagħhom jew membri tal-familja tiegħu.
Hu ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-għassa taż-Żejtun tliet darbiet fil-ġimgħa, ma’ jersaqx lejn Birkirkara, ma joħroġx mid-dar bejn id-9.00pm u l-5.00am.