Raġel ta’ 56 sena tressaqi l-Qorti mixli li kien involut f’inċident tat-traffiku, bil-konsegwenza li saq perikoluż, li hedded lil pulizija u uffiċċjali tal-Lesa filwaqt li rrifjuta li jagħmel it-test tal-breathalyzer.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa spjegat li l-inċident seħħ fil-Marsa u li fuq il-post issejħu xi Pulizija mill-għassa tal-Ħamrun. Ingħad li x-xufier ma’ kienx f’sensih u li allegatament beda jhedded uffiċċjal tal-LESA.
Fuq il-post, l-imputat nstema’ jhedded lill-uffiċjali “La niġi f’tiegħi … Inpattihielkom”. Ġie spjegat li l-imputat ttieħed għal osservazzjoni medika, hekk kif il-Pulizija kellha tuża l-forza sabiex tarrestah.
Min-naħa tagħha, id-Difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit spjegat li l-imputat jixtieq li jiskuża ruħu mal-uffiċċjali pubbliċi kollha.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabet lir-raġel ħati u kkundannatu sitt xhur ħabs sospiżi għal sena. Il-Qorti immultat lill-imputat €1,200 filwaqt li skwalifikatlu il-liċenzja tas-sewqan għal 6 xhur mill-illum.