Wednesday, December 25, 2024

Jammetti li qagħad inemmsilha u li ġibed filmat tagħha b’kontenut sensittiv

Aqra wkoll

Raġel tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn wara li ammetta li ġibed filmat indiċenti ta’ mara li kienet miexja fit-triq.

George Valletta, ta’ 57 sena minn Ħal Qormi u li jagħmel xogħol ta’ sprayer tal-għamara, ġie mixli li wettaq dan l-aġir diżgustanti fit-terminus tal-karozzi tal-linja, fil-Belt, mingħajr il-kunsens tagħha.

L-Ispettur Daryl Borg spjega kif żewġ uffiċjali tal-pulizija li dakinhar kienu libsin pajżana biex jagħmlu r-ronda f’dawk l-inħawi nnutaw raġel suspettuż iġorr basket.

Meta talbuh biex jiċċekkjaw x’kien fih il-basket, sabu kamera mixgħula fejn irriżulta li kien fiha kontenut sensittiv, b’mara li kienet qed tippassiġġa fl-inħawi; l-imputat iffoka l-angolu tal-kamera b’tali mod li jaqbad xeni minn taħt id-dublett tal-mara.

Huwa ġie arrestat mill-Pulizija u ammetta l-ħtijiet tiegħu ma’ l-ewwel opportunità li kellu.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, ikkunsidrat l-ammissjoni bikrija tal-imputat kif ukoll il-fatt li talab l-għajnuna biex jegħleb dawn “id-drawwiet diżgustanti”. Kien għalhekk li tpoġġa taħt ordni ta’ probation u taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ sentejn.

Id-Difiża qablet ma’ din id-deċiżjoni u semmiet li dan kien każ ta’ darba. Il-Prosekuzzjoni, bi qbil mad-difiża, qalet li l-Pulizija ma sabu l-ebda filmati oħra ta’ dan it-tip fuq il-kamera tal-imputat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Daryl Borg u Jeffrey Rizzo.

Ekonomija

Sport