Friday, April 26, 2024

Jasmine qed tirrispondi tajjeb għat-terapija li qed tirċievi f’Londra

Aqra wkoll

“Kull darba li nagħmlu l-ABM dejjem ikollha rispons tajjeb; b’mod ġenerali qed ninnutaw ukoll titjib fil-movimenti … aħna ninsabu kuntenti li qed naraw lit-tifla tieħu gost waqt it-terapija,” fissret Stefanie Grech, f’kummenti li tat lil dan is-sit dwar bintha Jasmine — tifla li ilha tbati minn kundizzjoni newroloġika mit-twelid.
Dan hekk kif fl-aħħar jiem, il-ġenituri ta’ Jasmine, Anthony u Stefanie Grech, ħabbru li t-tifla se tkun qed tirċievi sessjonijiet ta’ terapija fl-Ingilterra.

“Tidher li tkun qed tifhem x’inhi tagħmel … qed tipproċessa dak li jkun qed isir waqt is-sessjoni, allura dak jgħinha biex timplimentah,” kompliet tgħidilna l-omm kemxejn emozzjonata.

Oriġinarjament, xi ftit tal-ġimgħat ilu, Anthony u Stefanie kellhom pjanat li dan ix-xahar itellgħu lil binthom il-Messiku sabiex tirċievi trattament newroloġiku, tant li kienu ilhom diversi jiem jippreparaw lit-tifla sabiex torjenta ruħha ma’ replika ta’ tubu ieħor li kien se jintuża waqt dawn is-sessjonijiet. Sfortunatament, ftit jiem qabel ma ħallew xtutna, il-ġenituri ġew infurmati li kien seħħ xi tibdil fl-iskeda u għalhekk għalissa kellhom imorru għal alternattiva oħra sakemm jingħataw iktar informazzjoni dwar id-dati l-ġodda, qaltilna l-omm.

Stefanie spjegatilna li l-Ħamis li għadda, hi flimkien ma’ bintha u n-nanna tat-tifla telqu lejn l-Ingilterra biex Jasmine tkun tista’ tirċievi żewġ terapiji mixrufa fuq perjodu ta’ ġimagħtejn. L-ewwel terapija, li qed issir f’Londra u bdiet min-nhar il-Ġimgħa li għadda, tikkonsisti f’20 sessjoni ta’ ABM (Anat Baniel Method) – terapija li “tgħin lill-moħħ jipprogressa bl-użu ta’ movimenti żgħar sabiex jgħinu joħolqu ‘neuro pathways’ ġodda”. B’hekk, din se tkun it-tielet darba li saritilha t-terapija ABM. Immedjatament wara se jivvjaġġaw lejn Camberley għal terapija li taħdem fuq ir-“reflex integration”.

Fl-aħħar nett, Stefanie u l-membri tal-familja jixtiequ jirringrazzjaw lill-pubbliku għall-għajnuna finanzjarja kif ukoll għas-sapport psikoloġiku li rċevew s’issa sabiex ikun possibbli li t-tifla tibqa’ miexja ‘l quddiem.

Sport