Saturday, December 21, 2024

Jason Micallef iħabbar li mhux se jikkontesta għal Deputat Mexxej tal-PL

Aqra wkoll

Jason Micallef ħabbar li mhux se jkompli għaddej bil-kontestazzjoni tiegħu għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista. F’kitba fuq Facebook, huwa qal li llum kellu laqgħa mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fejn iddiskutew fit-tul il-proċess ta’ tiġdid li hemm bżonn jidħol fis-seħħ fil-Partit Laburista, minn issa, sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Qal ukoll li huwa kellu laqgħa oħra mal-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba. Stqarr li qed jieħu dan il-pass għaliex “nibqa’ nsostni bil-fatti f’dak li dejjem emmint, u se nkompli nemmen fih. L-interess tal-Partit Laburista, u n-nies tiegħu, għalija, jibqgħu jiġu dejjem u kullimkien, l-ewwel u qabel kollox.”

Sadanittant, l-MEP Alex Agius Saliba qal li huwa kellu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru, fejn kellu l-opportunità jiddiskuti miegħu l-viżjoni għall-pajjiż u għall-Partit Laburista għas-snin li ġejjin.

“Nemmen bis-sħiħ fil-viżjoni ta’ Robert Abela. Kemm għall-futur tal-pajjiż, kif ukoll għat-tmexxija tal-Partit Laburista,” qal Agius Saliba. “Nifhem li l-Prim Ministru kellu wkoll matul il-jum laqgħa ma’ Jason Micallef, kif kelli anke jien. ” Qbilna li l-Partit Laburista għandu jibqa’ miftuħ għal kulħadd, mingħajr distinzjoni. Partit li jibqa’ l-partit naturali tan-nies. Fuq kollox il-partit li joffri tama ta’ futur aqwa liż-żgħir, lill-ħaddiema, lin-negozji u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu,” huwa żied jgħid.

B’hekk stqarr li se jappoġġja bis-sħiħ l-emenda tal-istatut tal-Partit Laburista sabiex il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista tinfetaħ għall-Membri Parlamentari u Membri Parlamentari Ewropej ukoll.

“Dan kien messaġġ komuni li smajt mid-delegati fl-aħħar jiem, li fost l-ohrajn kellmuni biex ninvolvi ruħi direttament fil-Partit Laburista, bhal ma għamilt minn dejjem anke fil-kariga ta’ President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.

“Fil-5 snin li għaddew kemm ili Membru Parlamentari Ewropew qattajthom mad-delegati, membri u attivisti tal-Partit. “Il-ġid li sar mill-Partit Laburista fil-Gvern mill-2013 sal-lum jikkonferma kemm dan il-partit dejjem ġab l-interessi ta’ Malta, l-ewwel u qabel kollox.

“Lest li nkompli nagħti s-saħħa kollha tiegħi biex meta jasal il-waqt il-Partit Laburista jerġa’ jirbaħ, għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. “Grazzi tal-appoġġ kontinwu tagħkom u tal-fiduċja li dejjem urieni l-Prim Ministru Robert Abela,” temm jgħid Agius Saliba

Ekonomija

Sport