Friday, April 26, 2024

Javvanza b’ġimgħa l-programm tal-boosters għall-ħaddiema tas-saħħa u l-għalliema

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-ħaddiema tas-saħħa, carers, spiżjara, għalliema u ħaddiema fl-iskejjel se jkunu jistgħu jibdew jirċievu l-booster dose mit-8 ta’ Novembru. Dan ifisser li l-programm ta’ tilqim għal din is-sezzjoni tal-popolazzjoni se tkun avvanzat b’ġimgħa. Apparti minn hekk, dawk li għandhom 60 sena u aktar se jkunu qed jirċievu l-appuntament biex jieħdu l-booster fil-ġranet li ġejjin u se jibdew jirċievuha mis-6 ta’ Diċembru.  B’mod gradwali, din id-doża se tkun qed tiġi offruta lill-popolazzjoni kollha.

Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza fejn fiha ġiet inawgurata sistema ta’ robotika u intelliġenza artifiċjali fil-laboratorji ta’ Mater Dei.  

Id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar l-avvanz tal-programm ta’ tilqim f’dak li jirrigwardja d-doża addizzjonali, liema programm miexu b’mod tajjeb. Fill-fatt sal-Ħamis filgħaxija kienu tlaqqmu ‘l fuq minn 75% tal-persuni li għandhom 70 sena u aktar.

Waqt il-konferenza qal li jekk hemm xi persuni li għandhom 70 sena jew aktar u għadhom ma rċevewx l-appuntament, jistgħu jċemplu fuq in-numru 145 biex jingħataw appuntament mill-aktar fis possibbli.

Id-Deputat Prim Ministru qal li b’mod gradwali se jkunu qed joffru l-booster dose lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fil-fatt qal li mit-tielet ġimgħa ta’ Diċembru, se tinfetaħ ir-reġistrazzjoni għal kull min għandu ‘l fuq minn 45 sena. Żied jgħid li qed jaħsbu li mill-ewwel ġimgħa ta’ Jannar ikunu f’pożizzjoni li jibdew jagħtu t-tilqima lil dawk li għandhom aktar minn 45 sena.

Sadanittant pajjiżna għaddej bil-programm ta’ tilqim kontra l-influwenza, liema programm sejjer tajjeb ħafna. F’dan ir-rigward qaal li sa issa diġà tlaqqmu madwar 35,000 ruħ u llum u għada ċ-ċentri tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid, Floriana u Mosta se jkunu miftuħin biex jagħtu t-tilqim lil dawk it-tfal ta’ bejn is-6 xhur u 11-il sena.

Fearne tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 madwar id-dinja fejn, bħalma kulħadd jaf, qed jiżdiedu sew in-numru ta’ każijiet ġodda.

Qal li jekk wieħed iħares lejn l-Ewropa, tara kif pajjiżi bħar-Russja qegħdin mill-ġdid f’lockdown. Fl-istess waqt, oajjiżi bħall-Olanda u l-Belġju reġgħu bdew iżidu l-miżuri ta’ mitigazzjoni proprju għax il-każijiet fl-isptarijiet tagħhom qegħdin jiżdiedu.

Semma li jekk wieħed iħares lejn ir-rata ta’ pożittività, tara pajjiż fil-Lvant tal-Ewropa fejn din hija waħda għolja bħal pereżempju fir-Rumanija hija ta’ 30%, mentr fl-Islovenia din hija 40%.

Rigward Malta, id-Deputat Prim Ministru qal li r-rata ta’ pożittività ta’ din il-ġimgħa kienet ta’ 1.6%.

Qal li fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna feġġew 40 każ ġdid li jfisser li fil-komunità bħalissa hemm 298 każ attiv. Minn naħa l-oħra, qal li n-numru ta’ pazjenti fl-istparijiet baqgħet waħda baxxa. Dan hekk kif bħalissa hemm disa’ pazjenti rikoverati fl-Isptar Mater Dei fejn minnhom hemm tliet persuni ġewwa l-ITU. Minkejja li s-sitwazzjoni fl-isptarijiet tagħna baqgħet waħda stabbli, id-Deputat Prim Ministru kompla jappella għall-kawtela. 

Żied jgħid li peress li l-każijiet fl-istparijiet baqgħtu baxxi, minkejja li pajjiżi oħra qed iżidu l-miżuri ta’ mitigazzjoni, qal li ġewwa pajjiżna fil-preżent m’hemmx lok li dawn jiżdiedu. “Bħalissa huwa ż-żmien li nibqgħu kawti biex b’hekk minkejja li mhux se nżiedu miżuri, f’dan l-istadju se nkomplu nżommu dawk il-miżuri li hemm bħalissa,” qal Fearne.

Id-Deputat Prim Ministru nnota li f’pajjiżna għandan rata għolja ta’ tilqim kontra l-Covid-19. Fil-fatt sal-Ħamis 94% ta’ dawk li huma eliġibbli kienu ħadu din it-tiilqima, rata li sal-lum il-ġurnata tibqa’ l-ogħla waħda fid-dinja.

Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-immunità. F’dan ir-rigward qal li d-deċiżjoni li l-gvern Malti ħa biex jagħti l-booster kienet id-deċiżjoni t-tajba u għalhekk qal li l-booster irid ikun il-mezz li jżomm is-sitwazzjoni f’Malta milli tirreplika ruħha għal dak li qed jiġri fil-kumplament tal-Ewropa. Qal li huwa ċar li l-booster dose hija essenzjali.

Sport