Wednesday, December 25, 2024

“Jekk tagħmel moħħok hemm u taħdem, f’kollox tirnexxi … din tgħallimtha waqt Brillanti”

- Kristen Abela - Rebbieħa Brillanti Musicals 2024

Aqra wkoll

X’tikkummenta fuq ir-rebħ ta’ Brillanti Muscials?

Jien inħossni veru grata li wasalt sal-aħħar u li rbaħt din l-edizzjoni ta’ Brillanti! Hija xi ħaġa li ma stennejtx, imma ħdimt ħafna biex wasalt s’hawnhekk.

Kif iddeċidejt li tieħu sehem?

Onestament, ma kellix ħsieb li nieħu sehem imma l-ġenituri tiegħi u l-vocal coach ħeġġewni biex nieħu sehem. Ma dħaltx bl-għan li nirbaħ iżda biex nitgħallem mill-ġurija u l-kontestanti l-oħra li kienu miegħi.

X’tikkummenta fuq it-tim tal-produzzjoni mmexxi minn Joseph Chetcuti?

It-tim tal-produzzjoni huma nies taz-zokkor! Dejjem kienu hemm għal kull wieħed u waħda minna! Nixtieq nirringrazzjahom minn qalbi! Għenuni bil-kunfidenza, props, u pep-talks! Nixtieq ngħid grazzi lil Mariella, Joseph Fenech, Andre, Myra, Adnan, u l-iktar lil Joseph Chetcuti! Dejjem kienu hemm għalija u ta’ dan nirringrazzjahom!

X’tikkummenta fuq ix-xena tal-musicals f’pajjiżna?

Ix-xena tal-musicals f’Malta hija wahda li n-nies ma tantx jagħtu importanza. Hawn Malta hawn talent kbir u din dehret matul il-programm ta’ Brillanti! Mil-bidu tal-programm kien hemm talent eċċezzjonali u deher li l-ġurija kellha diffikultá kbira biex tagħżel min kellu jgħaddi ta’ kull ġimgħa! Nixtieq inħeġġeġ lin-nies Maltin biex jkomplu jissapportjaw l-arti f’Malta u ma jagħtuhiex bis-sieq! Kif deher sew fi Brillanti, jieħu ħafna xogħol biex jittella’ xow kbir minn ħafna aspetti differenti u s-sapport tan-nies Maltin jgħin zgur!

Tqis li tmur tgħix barra minn xtutna biex hemmhekk tibda tieħu sehem fi musicals internazzjonali?

Minn dejjem kienet ħolma tiegħi li mmur barra minn Malta u nieħu sehem fi produzzjonijiet differenti! Brillanti tani l-kunfidenza biex nagħmel dan, u se jgħinni biex din il-ħolma ssir realtá! Għalhekk, minn qalbi nirringrazzjahom! Iżda, nixtieq ngħid ukoll li minkejja li se mmur barra minn xtutna, nixtieq niġi lura Malta u naqsam dak kollu li tgħallimt ma’ nies bħali f’Malta u Għawdex. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

Jien nixtieq li mmur barra minn Malta fix-xena tat-teatru u nitgħallem kemm nista’! Brillanti se jgħinni nagħmel dan. Nixtieq li l-ħolm tiegħi li nieħu sehem fil-‘West End’ isir realtá! Iżda nixtieq ukoll inġib dak it-tagħlim kollu lura Malta biex naqsmu ma’ nies bħali u ‘l quddiem, inkompli insaħħaħ ix-xena tat-teatru f’Malta!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jieħu sehem fil-musicals

Nixtieq ngħidilkom li qatt mhu tard biex tibda tieħu sehem. Jekk tagħmel moħħok hemm u taħdem, f’kollox tirnexxi … din tgħallimtha waqt Brillanti.

Ekonomija

Sport