Friday, January 24, 2025

“Jekk tiġi int… ikollhom lil xi ħadd”

Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ f’Għawdex se tagħmel il-funeral tal-4 persuni li ma kien hemm ħadd għalihom

Aqra wkoll

Wara li sar magħruf li kien hemm 4 katavri, Raymond Balzan, Anthony Borg, Valerie Jean Austin, u Albert Tanti, li ma kien mar ħadd għalihom biex jagħmillhom funeral, il-Parroċċa ta’ San Ġorġ f’Għawdex ħadet l-inizjattiva biex tagħmel dan hi bi spejjeż kollha fuq il-parroċċa.

“Jekk tiġi int… ikollhom lil xi ħadd.” Dan kien il-messaġġ li għadda l-Arċipriet ta’ San Ġorġ Mons. Joseph Curmi fejn ħeġġeġ lill-parroċċjani u persuni oħrajn biex nhar l-Erbgħa li ħej, 29 ta’ Jannar fl-4.00pm jattendu għal funeral.

Il-Parroċċa f’messaġġ fuq il-midja soċjali tat spejgazzjoni tal-proċess biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jingħataw l-aħħar tislima f’Għawdex.

“Wara li għadda ż-żmien ta’ xahrejn mill-mewt u ħadd ma resaq biex jagħmlilhom funeral, iddeċidejna li nippruvaw “naddottawhom” aħna. U bl-għajnuna tal-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika wasalna biex niftħu triq li permezz tagħha l-Knisja u l-parroċċi jistgħu jibdew jagħmlu din l-opra ta’ karità,” inkiteb fuq il-midja soċjali tal-Bażilika.

Il-messaġġ ikompli jgħid li “dan ifisser li l-Parroċċa tkun ħadet f’idejha l-organizzazzjoni u l-ispejjeż li torganizza l-funerali lil dawn il-bnedmin. Barra minn hekk, aħna se nipprovdu wkoll li jindifnu fl-oqbra li l-Parroċċa għandha fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija. Din hi opra ta’ karità. Grazzi lil dawk li qed iħossu l-bżonn li jkunu parti u jgħinuna fl-ispejjeż u f’ħolqien ta’ fond għal każijiet simili. “

L-Arċipriet Curmi jgħid li “kemm hu importanti li mhux biss ninħasdu bl-aħbar, iżda li nattendu u niċċelebraw l-Ewkaristija fil-funeral għal ruħhom.“Dak li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”, jgħid il-Mulej. Ejjew u ħeġġu lil min jiġi għall-quddiesa tal-funeral, ħa nitolbu flimkien għal dawn ħutna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport