Tuesday, January 14, 2025

Jeremy Harbinson jibqa’ jirrifjuta li jiġi Malta biex jixhed

Aqra wkoll

Jeremy Harbinson, l-espert Irlandiż li l-kumpanija tiegħu tħallset €11-il miljun tal-inkjesta Vitals qed jibqa’ jirrifjuta ordnijiet sabiex jiġi Malta biex jixhed.

Fit-12 ta’ Diċembru l-Avukat ta’ Harbinson, Peter Fenech, persuna qrib ħafna tal-Partit Nazzjonalista tant li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien għadu jmexxi l-Kummissjoni Elettorali tal-istess partit, ressaq talba sabiex dan l-espert Irlandiż, minflok jiġi Malta sabiex jixhed, jagħmel dan permezz tal-video conference.

Lejliet il-Milied l-Avukati Francesco Refalo, Rebekah Gatt u Shelby Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talbu lill-Qorti biex tawtorizza lil Harbinson sabiex ikun jista jagħmel dan.

Madanakollu fis-7 ta’ Jannar u l-għada fit-8 ta’ Jannar, il-Maġistrati Leonard Caruana u Rachel Montebello f’digrieti separati kkonkludew li Jeremy Harbinson irid ikun fiżikament preżenti fil-Qorti sabiex jiffaċċja l-mistoqsijiet tal-avukati difensuri ta’ dawk li qed ikunu akkużati fuq il-bażi tal-inkjesta li tagħha tħallas €11-il miljun. Il-Qorti talbet ukoll lil Harbinson jgħid jekk kienx se jkun Malta għas-seduta li jmiss li se ssir illum it-Tlieta 14 ta’ Jannar.

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali intalab sabiex fi żmien 24 siegħa jinforma lill-Qorti dwar x’se tkun il-pożizzjoni ta’ Harbinson. Fit-tweġiba tagħhom iżda l-Avukati Refalo, Gatt u Aquilina qalu illi l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mhux f’kuntatt ma’ Harbinson u għalhekk mhux f’pożizzjoni li jindika x’inhi s-sitwazzjoni ta’ dan l-espert Irlandiż.

It-tweġiba ta’ Harbinson għall-ordnijiet tal-Maġistrati Caruana u Montebello waslet nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Jannar. Mill-ġdid permezz tal-avukat Peter Fenech, Harbinson reġa’ saħaq li minħabba dawk li qed isejjaħ bħala ċirkostanzi familjari relatati mas-saħħa ta’ martu, la fil-preżent u lanqas fil-futur prevedibbli, ma jistax jivvjaġġa ’l bogħod mid-dar għaliex huwa l-unika persuna li jista’ jieħu ħsieb lill-mara.

Il-mara ta’ Harbinson hija direttur fil-kumpanija Harbinson Forensics li tħallset il-€11-il miljun, l-istess kumpanija li ftit tal-ġimgħat wara li kienet ippubblikata l-inkjesta Vitals, ġiet iddikjarata minn Jeremy Harbonson innifsu bħala falluta.

Fl-istess ħin li qal li dax-xahar jinsab imħarrek tmien darbiet u tliet darbiet oħra fi Frar b’rabta mar-rapport tal-inkjesta Vitals, l-espert Irlandiż xorta qed jisħaq li ma jistax jagħti data meta jkun jista’ jivvjaġġa lejn Malta.

Permezz tal-avukat Fenech, Harbinson ikkonferma li kien huwa li kkordina u ssorvelja l-investigazzjoni, il-preparazzjoni tar-riżultati tar-rapport tal-inkjesta u kien involut fl-istruttura ta’ dak li instab. Iżda Harbinson issa qed jgħid li kull kjarifika mitluba fuq ir-rapport tal-inkjesta jew fuq xi parti minnha ma tistax tingħata minn persuna waħda iżda jkun hemm bżonn il-preżenza ta’ ħafna esperti flimkien.

Għaldaqstant Harbinson qed jgħid illi jinsab lest li jixhed biss permezz tal-video conference u żied li meta jkun se jixhed, għandu jkollu miegħu esperti oħrajn li jidentifika huwa, dejjem jekk dawn l-esperti jkunu disponibbli fid-data li toħroġ biha l-Qorti. Fl-aħħar nett l-espert Irlandiż irid illi jkun informat bil-quddiem liema għandhom ikunu l-esperti li għandhom ikunu mħejjija biex ikunu miegħu biex iwieġbu permezz tal-video conference.

Sa issa ġew Malta biex fuq il-bażi tar-rapport tal-inkjesta, jixhdu quddiem il-Qorti fil-proċeduri li nfetħu fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, l-esperti Sam Sittlington u Miroslava Milenovic. Riżultat tat-tweġibiet li taw għall-mistoqsijiet li sarulhom ħargu dubji serji ħafna dwar dawn iż-żewġ esperti li fi kliem Jeremy Harbinson innifsu, ħadmu taħt id-direzzjoni tiegħu.

Fost oħrajn ħareġ illi l-espert Irlandiż Sittlington, kien tkeċċa mill-gvern Ingliż fuq allegat każ serju ta’ kunflitt ta’ interess meta kien qed jaħdem għall-gvern tal-Guyana, waqt illi f’Malta fl-istess ħin illi kien qed jaħdem fuq l-inkjesta Vitals allegatament ipprova jakkwista kuntratt mal-korp tal-pulizija ta’ madwar miljun ewro. Fl-istess ħin sar magħruf illi l-esperta Serba Milenovic, li tqabbdet bħala accountant forensiku, la għandha degree fl-accounts u lanqas warrant ta’ accountant.

L-inkjesta Vitals mhux biss swiet €11-il miljun iżda ħadet ħames snin biex titlesta u ġiet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju tas-sena illi għaddiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport