Saturday, May 18, 2024

“Jew kultura, mużika u tradizzjoni… jew erbgħa minn nies iħaxxnu bwiethom b’dak li mhux tagħhom.”

Jitella’ banner kbir mal-każin ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Mal-gallarija tal-każin ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema twaħħal banner kbir b’messaġġ li jgħid: “Jew kultura, mużika u tradizzjoni… jew erbgħa minn nies iħaxxnu bwiethom b’dak li mhux tagħhom.”

Fost is-Slemiżi u anke d-delettanti tal-baned hemm rabja kbira għall-mod kif kienet irrifjutata offerta meqjusa raġonevoli, biex din biex din is-soċjetà mużikali ma tispiċċax barra minn dan is-sit.

L-offerta saret mill-Gvern lil dawk li jsejħu lilhom infushom bħala sidien ta’ dan il-post, iżda li fil-verità għandhom ċens li jiskadi f’inqas minn erba’ snin.

Skont dak li qed jiġi rrapportat f’midja oħra f’Malta jingħad li biex iċedu dawn l-erba’ snin wara sentenza tal-Qorti li żgombrat is-soċjetà, hekk imsejħa sidien li jridu jitfgħu lis-soċjetà ’l barra qed jitolbu madwar miljun u tmien mitt elf ewro.

Minn dak irrapportat jirriżulta li l-offerta li għamel il-Gvern hi inqas minn hekk u dan fid-dawl li l-proprjetà mhix ta’ dawn ’l hekk imsejħa sidien, tant li f’numru ta’ snin għandha tirritorna għand il-Gvern.

Fl-aħħar jiem kienu diversi l-persuni li esprimew solidarjetà mal-każin Stella Maris – b’soċjetajiet mużikali oħra jiktbu pubblikament li jkun ta’ għajb jekk din is-sitwazzjoni ma tkunx riżolta.

Is-Sinjura Bernardette Apapa Bologna, f’isem ’l hekk imsejħa sidien, kienet ikkwotata tgħid fl-aħħar jiem minn tvm.com.mt li huma mhux kuntenti bl-offerta tal-Gvern. Dan minkejja li tlaħħaq il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro.

Sport