Il-proġett tax-shore-to-ship fil-Port Ħieles huwa proġett li filwaqt li se jkompli jara lil dan il-port kummerċjali importanti għall-pajjiżna jibqa’ jaħdem bl-aħjar mod possibbli, se jkun qed jgħin biex jitħares aktar l-ambjent u jitnaqqas l-inkonvenjent għan-nies tal-madwar. Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri waqt li żar x-xogħlijiet infrastrutturali li bdew isiru relatati ma’ dan il-proġett. Fil-fatt beda x-xogħol ta’ tħaffir ta’ gandotti u qed jitpoġġew il-kanen li minnhom ser jgħaddu l-cables li ser jissuplixxu l-kurrent tad-dawl lill-vapuri.
Dan il-proġett hu stmat li ser jiġi jiswa madwar €12-il miljun, iffinanzjati minn fondi Ewropej u mistenni li jitlesta sa nofs l-2025. Iż-żewġ terminals, kemm South Quay ta’ Terminal 1 u South Quay ta’ Terminal 2 ser ikunu attrezzati biex il-vapuri jitfu l-magni u jaqbdu mas-sistema tal-grid elettriku. Dan ifisser li filwaqt li se jkun hemm aktar arja nadifa, se jkun hemm inqas inkonvenjent għar-residenti tal-madwar.
“Dan huwa proġett ieħor imwiegħed minn Gvern li se jkollu diversi benefiċċji, primarjament dak ambjentali fejn l-emissjonijiet li joħorġu mill-magni tal-vapuri se jkunu qed jonqsu b’mod drastiku għaliex ikunu qed iqabbdu direttament mal-grid tal-elettriku u għalhekk ikun hemm ħafna inqas emissjonijiet lejn il-bajja ta’ Birżebbuġa u l-madwar. Barra minn hekk il-ħoss tal-magni jkun qiegħed jiġi eliminat minħabba li jintfew sakemm tkun għaddejja l-ħidma sabiex jitniżżel l-operat fil-Freeport”, qal il-Ministru Silvio Schembri.
Il-Ministru fakkar ukoll fil-proġett tal-isquaring off tal-Freeport. Investiment ta’ madwar €104 miljun, li huwa l-ewwel espansjoni tal-Freeport f’20 sena u se jestendi l-moll tat-Tramuntana f’Terminal Two b’176 metru u dak tal-Punent b’195 metru għal total ta’ 30,000 metru kwadru ta’ art ġdida, biex b’hekk jiżgura li l-faċilità tkun tajba għal vapuri ġodda li jaħdmu b’LNG u l-Freeport ikun jista’ jorbot dawn il-vapuri aktar ’il barra miż-żona residenzjali, dan filwaqt li tneħħiet kull possibbiltà li jitpoġġew krejnijiet fuq West Quay Terminal 1 li huwa l-aktar moll viċin ir-residenti. Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tal-Freeport David Magro qal li l-proġett tal-OPS hawnhekk telaq ukoll, u miexi b’ritmu tajjeb.