“Jiddispjaċini ħafna għas-sitwazzjoni attwali fl-Albanija, it-tieni pajjiż tiegħi”

   - L-Arċisqof Emeritu Mons George Frendo

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Studenti u nies oħra mgħammdin. Ikissru kull ma jsibu quddiemhom. Arbli bis-sinjali tat-traffiku inqalgħu minn posthom,  cameras tas-sigurtà tkissru. Negozji kienu attakkati. Oħrajn inħarqu. Bini tal-gvern kien attakkat. Din hi s-sitwazzjoni li kkaratterizzat żoni fl-Albanija fl-aħħar jiem fosthom Tirana, Durres u żoni oħra. Il-protesti vjolenti wasslu għal ġlied bejn id-dimostranti u l-pulizija, kif ukoll ħsarat lill-proprjetà. Tfigħ ta’ ġebel u oġġetti, l-użu ta’ gass tad-dmugħ u kanuni tal-ilma, ġlied u ħsara lill-bini u lill-proprjetà tal-gvern huma x-xeni li rajna fl-aħħar jiem. L-għan tal-protesti huwa li ssir pressjoni fuq il-gvern. L-Arċisqof Emeritu Mons George Frendo quddiem dawn ix-xeni u tensjoni jiddikjara li “jiddispjaċini ħafna għas-sitwazzjoni attwali fl-Albanija, it-tieni pajjiż tiegħi.”

IT-TORĊA segwiet dak li kien għaddej fl-Albanija, pajjiż li fit hemm jgħixu diverse Maltin u komunitajiet reliġjużi u anke hemm interessi Maltin.

Persuni barranin li hemm jgħixu fl-Albanija fosthom Maltin, għalkemm jinsabu mħassbin b’din it-tensjoni, iħossu li jekk wieħed joqgħod ġewwa ma jkunx f’periklu għax il-protesti qegħdin jttakkaw bini governativi.

Albi Allamani f’kumment li jgħaddi dwar is-sitwazzjoni jgħid li “m’aħniex fi gwerra. Dak li qiegħed sir hu sempliċement karba lokali u globali biex ikun hemm responsabbiltà għal futur misruq. Evitaw iċ-ċentru tal-belt, speċjalment iż-żoni qrib il-binjiet tal-gvern, fejn il-pulizija tista’ ma tagħrafx id-differenza bejn it-turisti u d-dimostranti. Is-subborgi huma siguri, sbieħ u kollox qed jaħdem b’mod normali.

Minn naħa tagħha Caroline  tiddikjara li “ilni ngħix hawn kważi sentejn. F’dan il-mument m’hemmx għalfejn tinkwieta dwar is-sigurtà personali. Rajt xi wħud mill-protesti paċifiċi u l-eskalazzjoni li seħħet dan l-aħħar, iżda huwa importanti li tkun konxju ta’ dak li qed jiġri madwarek.  Hemm il-periklu u tfixkil fit-trasport, iżda l-importanti hu li tibqa’ attent għal dak li jkun qed jiġri madwarek.”

L-Arċisqof Emeritu jesprimi t-tħassib

L-Arċisqof Emeritu, Mons George Frendo, li serva għal snin twal fl-Albanija jikkummentea dak li għaddej. Meta jikkummenta jiddikjara mill-ewwel li “jiddispjaċini ħafna għas-sitwazzjoni attwali fl-Albanija, it-tieni pajjiż tiegħi.”

Mons Frendo jgħid li “se nerġa’ nippubblika dak li kont ktibt fis-sena 2019. Ma nkun qed ngħid xejn straordinarju meta ngħid li bħalissa għaddejjin minn sitwazzjoni kritika ħafna f’pajjiżna. Fil-fatt, din hija l-aktar sitwazzjoni kritika minn wara l-irvellijiet tal-1997. Is-sitwazzjoni tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament, hija traġika. Parlament mingħajr il-preżenza tal-oppożizzjoni. Ix-xeni li n-nies raw fuq it-televiżjoni huma skandalużi. Forsi l-aktar skandalużi huma l-kliem li bih ir-rappreżentanti tal-poplu indirizzaw lil xulxin. Anki persuni li jokkupaw karigi għoljin ħafna fil-Parlament użaw lingwaġġ li ma jixraqx il-pożizzjoni tagħhom. U l-poplu jisma’ u jara. Anki llum, fil-Parlament u waqt il-protesti, il-poplu għadu jisma’ kliem li jqanqal il-vjolenza u l-konfronti.”

Kien tenna li  “hemm bżonn ukoll ta’ fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ naħat poltiċi. Għax kif nista’ nitkellem miegħek jekk ma nafdakx? Sfortunatament, anki din il-fiduċja hija nieqsa għalkollox. Meta ma jkunx hemm smigħ reċiproku u fiduċja, id-djalogu jsir impossibbli. B’imġiba ċinika minn naħa u b’attitudni ta’ nuqqas ta’ fiduċja mill-oħra, id-djalogu jsir inkonċepibbli. Ma għandniex naħsbu li din is-sitwazzjoni nħolqot fl-aħħar ħames xhur. Sfortunatament, il-ħitan tal-firda ilhom jinbnew ġebla fuq ġebla għal snin sħaħ.”

Itenni li “jien m’iniex politiku, iżda ragħaj spiritwali li jħobb sinċerament lill-Albanija u lill-Albaniżi. Inħossni tassew imnikket għal dan il-poplu, li għadda minn storja ta’ tbatija u li, tmienja u għoxrin sena wara l-waqgħa tad-dittatura, għadu ma jarax il-qawsalla ta’ tama. Min qed ibati f’din is-sitwazzjoni? Il-poplu sempliċi. U aktar ma ddum din is-sitwazzjoni, aktar se jkunu ta’ ħsara l-konsegwenzi tagħha. Personalment, ma narax soluzzjoni, għax is-soluzzjoni jistgħu jsibuha biss il-politiċi nfushom. Dan biss nista’ ngħid: għandna bżonn politika ġdida u politiċi onesti, nodfa u moderati. Il-maturità politika tidher meta l-politiċi jfittxu l-ġid komuni aktar mill-interessi tal-partit tagħhom, u jpoġġu l-ħobża ta’ kuljum tal-poplu qabel il-flus fil-bwiet tagħhom. Naturalment, mhux qed ngħid li l-politiċi tagħna kollha huma nieqsa mill-onestà u mill-moderazzjoni. Għandna politiċi li huma kemm onesti kif ukoll moderati. Ma rridux is-suwiċidju tal-poplu tagħna”. 

Ta’ min jgħid li l-protesti fl-Albanija, speċjalment fil-belt kapitali Tirana, qed isiru minħabba rabja kbira kontra l-gvern tal-Prim Ministru Edi Rama. Ħafna nies qed jakkużaw lill-gvern b’korruzzjoni u nuqqas ta’ trasparenza, u qed jitolbu li l-politiċi jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom. Il-gvern jiċħad l-akkużi ta’ korruzzjoni. L-istudenti qed jipprotestaw kontra l-ispejjeż għoljin tal-edukazzjoni, il-kundizzjonijiet fl-universitajiet u n-nuqqas ta’ prospetti tajbin ta’ xogħol wara l-istudji tagħhom.

Apparti dan hemm rabja dwar proġett ta’ resort lussuż fuq il-kosta tan-Nofsinhar tal-Albanija, marbut ma’ Jared Kushner, il-membru tal-familja tal-President Amerikan Donald Trump. Id-dimostranti jibżgħu li l-proġett jagħmel ħsara lill-ambjent u li l-interessi ta’ nies b’saħħithom jingħataw prijorità fuq dawk tal-pubbliku. Il-protesti li inizjalment kienu ffukati fuq kwistjonijiet speċifiċi kibru f’moviment usa’ kontra l-gvern. Id-dimostranti qed jitolbu r-riżenja ta’ Edi Rama, li rrifjuta li jirriżenja.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport