Jean Pierre Schembri, ta’ 49 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet stretti wara li naqas milli jiffirma l-għassa fuq każ separat.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li Schembri għandu każ pendenti dwar vjolenza domestika. Waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu biex ingħata l-ħelsien mill-arrest kienet li jrid jiffirma fl-għassa ta’ Ħal Qormi tliet darbiet fil-ġimgħa.
L-Ispettur Sharona Buhagiar li mexxiet il-prosekuzzjoni spjegali li ta’ spiss l-imputat naqas milli jiffirma, iżda kien iġib ċertifikat mediku.
Kompliet tispjega li bejn Awwissu u Settembru ma ffirmax sitt darbiet u għalhekk wissietu li jekk hemm raġunijiet mediċi li qed iżommuh milli jiffirma, għandu jinforma lill-Qorti.
Fil-qorti ntqal li fid-9 ta’ Ottubru reġa’ ma ffirmax u ma pprovdiex ċertifikat fis-sigħat stipulati bil-liġi. Imbagħad l-Ġimgħa ffirma mingħajr ma pprovda ċ-ċertifikat u kien hawn li l-pulizija talbu għal arrest tiegħu.
Id-difiza li kienet immexxija mill-avukat Jacob Magri u Franklin Calleja kkontestaw l-arrest minħabba li dan sar mingħajr ma kien hemm mandat minn Maġistrat.
L-Ispettur argumentat li l-liġi tagħtiha s-setgħa li tarrestah mingħajr mandat għaliex kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Minkejja dan, id-difiża qalet li ma kienx jagħmel sens li l-akkużat jiġi arrestat ġimgħa wara li wettaq l-allegat reat. L-Ispettur qalet li kienet tatu ċ-ċans li jġib iċ-ċertifikat, iżda ma setgħetx tħallih aktar, u kien għalhekk li oġġezzjonat għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest.
Id-difiza sostniet li għalkemm l-akkużat huwa traskurat, issa tgħallem il-lezzjoni, u b’kundizzjonijiet aktar stretti jnaqqas ir-riskju li jerġa’ jikser il-kundizzjonijiet. Qal ukoll li Schembri għandu l-kustodja ta’ bintu u li hi tgħix miegħu.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Nadia Helena Vella laqgħet it-talba tad-difiża, b’ordni li jiffirma fl-għassa fl-istess ġranet ta’ qabel, ma javviċinax ix-xhieda, ma jikkomettix reat ieħor, u li jħallas depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000.

