It-tfajla Marsija Nicole Spiteri li għandha 22 sena hi r-rebbieħa tat-titlu prestiġjuż ta’ Miss World Malta u b’hekk ingħatat id-dritt sabiex tirrapreżenta lil Malta fl-akbar konkors tas-sbuħija Miss World. Hija wkoll ingħatat it-titlu ta’ Best Physique u Face of Golden Rose.
B’kollox ħadu sehem 24 tfajla f’din is-27 edizzjoni ta’ dan il-konkors li sar fil-Forti Sant’Iermu.
Fit tieni post ġiet Shailey Micallef fejn ukoll kienet ir-rebbieħa ta’ Beauty With a Purpose waqt li fit-tielet post ingħata lill Hayley Ghiller. Keith Demicoli flimkien ma’ Sarah Bajada mexxew dan l-avveniment bi ftuħ spettakolari minn Kurt Calleja u Kevin Paul Calleja.
Dan is-sit ħa il-kummenti ta’ Nicole Spiteri li mal-ewwel daqqa t’għajn dehret sodisfatta għalkemm sorpriża li rebħet din il-kompetizzjoni.
“Nista’ ngħid li fil-video kont nidher xi ftit ixxukkjata meta qraw ismi iżda fl-istess ħin kuntenta ħafna, anzi fis-seba’ sema. Ma kontx qed nantiċipa li se nirbaħ dan l-unur. Nista’ ngħid li kien ta’ unur għalija li rbaħt u issa se nkun qed nirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni ta’ livell bħalma hi Miss World International. Inċidentalment din kienet l-ewwel darba li kont qed nieħu sehem. Qabel ħadt sehem f’konkorsi iżgħar fejn anke hemm mort tajjeb.”
Saqsejna lil Nicole kif bdiet il-karriera tagħha fl-immudellar.
“Kollox beda kumbinazzjoni. Meta kont żgħira mal-ewwel bdejt nuri li kien se jkolli dak il-fiżiku twil. Issa min ġeneralment ikun ta’ statura twila, normalment ifittex li jkun plejer tal-basketball jew mudella. Sħabi bdew iħajruni u jgħiduli li nista’ nkun wieħed minn dawn it-tnejn speċjalment mudella. Jien iżda kont ngħid li ma ninqalax u forsi ma nkun tajba biex naqdi dan ir-rwol.”
Minkejja kollox, hi bdiet tħoss li dak kollu seta’ jsir realta’. Fil-fatt meta ommha kienet toqgħod tieħu r-ritratti meta jivjaġġaw jew inkella jmorru f’post ieħor, kienet tħoss dik l-emozzjoni meta tippoża. Kienet tgħid bejnha u bejn ruħha li hi setgħet tkun hekk ukoll. Dan kollu seħħ għax fl-eta’ ta’ 16-il sena bdiet tipparteċipa f’kompetizzjonijiet lokali tal-immudellar filwaqt li bdiet issegwi sew x’kien qed jiġri.
Kif insaqsu dejjem lill-mudelli li nkunu qed nintervistaw, kemm hu importanti li mudella tkun sabiħa mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa?
“Hi ferm importanti u din hi xi ħaġa li tiġi ripetuta anke waqt il-konkors Miss World Malta li bl-Ingliż tissejjaħ Beauty in a person. Jien xogħli ta’ kuljum nara persuni bi problemi peress li naħdem fis-settur tas-servizzi soċjali. Inħobb ħafna ċerti valuri li jien narahom importanti ħafna. Anke f’Miss World Malta nitgħallmu nagħtu lura għax dak hu l-isbaħ rigal li tħoss bħala persuna. Nemmen ħafna f’dan kollu.”
Nicole Spiteri tgħidilna li bħala passatempi tħobb tmur il-gym kif ukoll toqgħod tikteb dak li għadda matul il-ġurnata.
Iżda kif taraha Nicole Spiteri minn hawn u għaxar snin oħra?
“Jien narani nkompli naħdem fis-settur tas-servizzi soċjali u nimraħ aktar fil-moda, żewġ dinjiet i għalija huma ħajti. Irrid inkompli naħdem sabiex insir bniedma aħjar għax iktar ma timmatura, iktar tara lilek innifsek tinbidel, bit-tama li dejjem ikun għall-aħjar.”
Spiteri tara l-industrija tal-moda f’pajjiżna li għandha sfidi kbar speċjalment minħabba ċ-ċokon tal-gżejjer Maltin. Madankollu qed jiżdiedu aktar l-opportunitajiet għall-mudelli u dan kollu qed jirrifletti tajjeb ħafna iktar u iktar għax juru l-kwalitajiet tagħhom barra minn xtutna bħall-konkors Miss World International. Hi tgħid li minkejja kull limitazzjoni, żgur li se jaslu aktar ma jgħaddu s-snin.
Spiteri faħħret lil Sue Rossi u Claudia Calleja li kellhom organizzazzjoni impekkabbli. Hi sostniet li dawn iż-żewġ persuni ilhom jorganizzaw dan l-avveniment u dan kollu jagħmluh bil-qalb.
“Kellna organizzazzjoni li jagħti kas għad-dettall. Kellna diretturi li bħala tfajliet raw li ma jkollna xejn nieqes. Għenuna ħafna u dan iffaċilitalna x-xogħol tagħna.”
Minkejja li kienet kompetizzjoni bejn xi kontestanti, Nicole Spiteri ħasset li huma kienu ħbieb ukoll. Fil-fatt hi l-ewwel ħaġa li għamlet kien dik li tgħannaq lit-tfajliet li ġew fit-tieni u t-tielet post rispettivament għax skont hi dawn ukoll ħadmu qatigħ sabiex jirnexxu. Sfortunatament rebbieħ wieħed seta’ jkun hemm li kienet hi stess għalkemm sostniet li setgħet ġiet anke fit-tieni jew it-tielet post fejn f’konkorsi bħal dawn kollox hu possibbli.
Finalment tlabna lil Nicole Spiteri, rebbieħa ta’ Miss World Malta biex tgħaddi messaġġ lil dawk il-bniet jew tfajliet li jixtiequ jaqbdu l-karriera fl-immudellar.“L-ewwel u qabel kollox taqtgħux qalbkom. Tagħtux kas dak li jgħidu n-nies. Jien għal ħafna drabi sibt xi persuni li qatgħuli qalbi li mhux se nirnexxi f’dan ir-rwol. Minkejja kollox, jien dejjem żammejt rasi ‘l fuq u wasalt fejn xtaqt. Stinka u aħdem kemm tiflaħ u tirnexxi żgur.”