Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ ta’ John Agius ta’ 74 magħruf “Johnny tal-Għalqa” fejn qiegħed jiġi akkużat bil-każ tal-isparatura f’Ta’ Giorni fl-24 ta’ Lulju li għadda, Spettur tal-Pulizija xehed li għalih is-Surġent Johann Vella tas-Special Intervention Unit kien “mejjet”.
Agius li qiegħed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih qiegħed jiġi mixli li darab żewġ uffiċjali tal-Pulizija, fosthom is-Surġent Johann Vella tas-Special Intervention Unit, l-SIU, li ntlaqat f’wiċċu u għonqu u kien fil-periklu imminenti li jitlef ħajtu, u Omar Sharif mir-Rapid Intervention Unit, l-RIU.
Hu qed jiġi akkużat ukoll b’attentat ta’ qtil doppju, pussess u użu ta’ arma tan-nar, ħruq volontarju u reżistenza għall-arrest, fost oħrajn.
Fl-ewwel xhieda fit-tieni seduta tal-kumpilazzjoni kien hemm l-Ispettur Kelsey Bugeja, fejn spjegat kif kienet irċiviet telefonata fl-24 ta’ Lulju li kien hemm xi nirien, u kienet hi li tat l-ordni sabiex jarrestaw lill-Pulizija kkonċernati. Wara l-ordni t’arrest, l-Ispettur ċemplet lill-Maġistrat Joe Mifsud sabiex jiftaħ inkjesta u jaħtar l-esperti.
Ftit tal-minuti wara, ġiet infurmata li George Agius ġie arrestat wara li ġie lura b’mutur, iżda, ftit tal-ħin wara wkoll, seħħew xi sparaturi u kien hemm żewġ Pulizija maqbudin ġewwa. Hi telqet l-impenji li kellha u rrappurtat fuq il-post ftit qabel nofsinhar, fejn mumenti wara, ġew sparati aktar tiri mill-allegat agressur. Kien hawn fejn l-Ispettur identifikat lill-imputat fl-awla.
L-Ispettur Kelsey Bugeja spjegat kif ma semgħetx x’kien qed jintqal fin-negozjati li kienu għaddejin mal-imputat, iżda rat ix-xena ta’ kommossjoni quddiemha.
Qalet li kienet preżentiu meta Johann Vella ġie milqut mit-tiri f’wiċċu, xena li fil-Qorti xehdet li ma hi se tinsiha qarr. Aktar minn hekk, l-Ispettur Bugeja kienet minn tal-ewwel biex assistiet lill-paramediċi fejn semgħet kif Johann Vella kien qed ibgħati jieħu nifs.
Xehed ukoll l-Ispettur Raymond Joseph Azzopardi mill-iskwadra tar-Rapid Intervention Unit fejn qal, dak il-ħin, Johann Vella, “kien mejjet”.
Fil-Qorti, l-Ispettur Azzopardi xehed kif waqt li kienu fl-uffiċju fis-Siġġiewi, sema li kien hemm xi nirien f’residenza, u ftit tal-ħin wara, minn fuq ir-radju sema l-kelmtejn “qed jispara, qed jispara”. Kien hawn fejn marru fuq il-post.
Wara l-allegat sparatura allegatament minn John Agius, l-Ispettur Azzopardi ra lil Johann Vella jaqa’ mal-art, u ddeskriva fil-Qorti xena mhux pjaċevoli tal-istat tal-Pulizija, li għalih, f’dak il-ħin ma kienx qed jieħu nifs, filwaqt li waqa mal-art mingħajr ma lissen kelma.
Wara it-tieni sparatura ġie stabbilit kuntatt, u ntlaħaq ftehim biex Agius jikxef idu t-tnejn bil-patt li jiġu estraditi l-Pulizija maqbudin mingħajr ma’ jweġġgħu aktar Pulizija. Safrattant, ġie kkonfermat mill-Ispettur Azzopardi li kwalunkwe kuntatt mill-Ispettur Kurt Zahra kien wieħed edukat u mill-aktar kalm – u dan wassal biex Agius ħareġ mill-bieb prinċipali.
Xhud ieħor kien l-Ispettur Malcom Sammut fejn spjega kif dakinhar tal-24 ta’ Lulju ġew mgħarrfa b’dak kollu li ġara, bl-uffiċjali libsu l-gear waqt li kienu qegħdin fil-post stazzjonat tagħhom f’Ta’ Kandja, u qabdu triqthom lejn San Ġiljan, limiti f’Ta’ Giorni.
L-Ispettur Sammut spjega kif beda jikkordina l-perimetru biex ħadd ma joħroġ dik il-binja li kien jinsab fiha l-allegat aggressur, u flimkien mal-Ispettur tal-RIU Raymond Azzopardi, sar briefing għal dawk kollha ikkonċernati b’rabta ma’ kif se joħorġu lill-uffiċjali maqbudin ġewwa.
Xehdu wkoll uffiċjali oħrajn tal-Pulizija fejn l-ewwel wieħed qal kif ra lil Johann Vella mal-art għoddu “bla ħajja” għax ma kien qed jiċċaqlaq xejn, dan waqt li l-istess uffiċjal kien qiegħed f’Penthouse qrib il-binja li kien jinsab fih l-allegat aggressur. L-uffiċjal ra lill-Agius jaqsam b’senter, u kien hawn fejn l-Ispettur Kurt Zahra beda n-negozjati m’Agius.
Xehed l-uffiċjal tal-SIU li daħal l-ewwel bix-shield, fejn saħaq li qas induna f’dak il-ħin li x-shield kienet intlaqtet ukoll. Wara t-tir, hu baqa’ għal aktar minn siegħa maqbud ġewwa joffri lqugħ lill-uffiċjali li kienu għadhom fuq ġewwa. Skont kliemu fil-Qorti, hu xehed li likieku ma kellux ix-shield, jaf kien jintlaqat hu wkoll.
L-aħħar uffiċjal tal-SIU li xehed, u li kien wara l-uffiċjal li kien fuq quddiem nett bix-shield, spjega li ra d-duħħan ħiereġ minn tieqa b’xibka ħadra mqatta’. L-uffiċjal żied jgħid li t-tir ġie allegatament sparat minn ġewwa u minn ġo post mudlam, bis-senter qatt ma ġie espost ‘il barra mit-tieqa.

