Wednesday, June 10, 2026

‘Jien mhux skarpan ta’ llum’ … is-sengħa spiċċat

– Toni Portelli, l-aħħar skarpan tal-Gżira

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jinsab fil-qalba tal-Gżira. Tasal quddiemu u lanqas tinduna x’hemm ġewwa jekk ma tittawwalx. Kif eżattament tirfes l-għatba tal-ħanut, imnifsejk jimtlew b’riħa qawwija ta’ ġlud. Għodod imdendlin mal-ħajt. Tara ammont ta’ xwejjef li jintużaw biex itaqbu l-ġilda taż-żarbun.  Fuq in-naħa ta’ ġewwa mal-ħajt issib lil Toni. Illum imdaħħal sew fiż-żmien.  Warajh xi santi ta’ persuni li mietu u li kienu klijenti tiegħu. 

Quddiemu tara xi par żarbun, lest biex jinfetaħ. Ipoġġih f’ħoġru u dawk l-idejn tiegħu, li min jaf kemm il-par żarbun missew, jibdew jaħdmu fuqu.  U waqt li kont f’din id-daqxejn ta’ kamra, li Toni ilu snin twal jaħdem minnha, minn moħħi għaddew ħafna ħsibijiet.  X’se jiġri minn din is-sengħa li qiegħda tmut? Sengħa li meta tintilef, se jgħibu magħha t-termini kollha li ġġib magħha fosthom ismijiet ta’ għodda, l-ismijiet tal-partijiet differenti taż-żarbun u l-materjal li jiġi użat. 

Toni l-iskarpan tal-Gżira

Iltqajt ma’ Toni fl-aħħar jiem. Tidħol klijenta b’żarbun. Toni jiflieħ u jgħidilha mill-ewwel li inutli jipprova jaħdem fuqu għax ma jservix.

Kif toħroġ idur fuq mill-ewwel u jgħidli ‘dak li nagħmlu rrid nagħmlu sewwa”.

Toni jgħidilna li “jien bdejt is-sengħa meta kelli seba’ snin. Għamilt tnax-il sena mal-imgħallem. Dħalt miegħu ta’ seba’ snin dejjem wara l-ħinijiet tal-iskola. Ta’ 16-il sena ħriġt mill-iskola. Għamilt il-ktieb tax-xogħol u ta’ dsatax-il sena tlaqtu biex ġejt hawn, f’din id-daqxejn ta’ kamra. Tlaqtu is-Sibt u bdejt it-Tnejn.  Voldieri hawn bdejt 1 ta’ Awwissu tas-sena 1972. Ilni hawn 54 sena fil-Gżira. Ilni 66 sena f’din is-sengħa.”

Ix-xogħol tiegħu m’għadux bħal qabel

Iħares fiss lejn l-art. Jgħolli rasu u jgħidli: “x-xogħol tagħna m’għadux bħal qabel. Illum in-nies jidderiġuhom lejn l-irħis, qatta u armi. Però li kelli nagħmel għamiltu. Għadni hawn għax il-ħanut  hu tiegħi u kera m’għandix. Is-sengħa imma bqajt inħobbha.  Għad għandi nies ifittxuni. Diżgrazzjatament ix-xogħol naqas ħafna. Illum hawn ħafna ‘slippers’. In-nies jagħmlulek minn  filgħodu sa filgħaxija bis-slippers u allura ix-xogħol jonqos ħafna. Għalqu ħafna ħwienet li kienu ż-żwiemel tiegħi. Allura niġi nagħmel mit-8.30 ta’ filgħodu  san-nofsiegħa. Li jidħol nagħmlu u dak li ma jidħolx mhux problema.”

Jenfasizza li “s-sengħa baqgħet ġo qalbi wisq. Dejjem bl-għajta li ma rridx nitmejjel bin-nies. In-nies lili jirrispettawni.

Is-sengħa qed tisparixxi?  Le, is-sengħa spiċċat

Nistaqsih dwar il-fatt li din is-sengħa bil-mod il-mod qiegħda tisparixxi. Fil-pront jaħtafni fil-kelma. “Mhux qed tisparixxi imma spiċċat. L-ewwel nett anki minn fejn tixtri l-materjal għalqu. Naf sitta li ħamsa minnhom mietu. Tinsiex ilni fis-sengħa minn seba’ snin. Fi Triq San Pawl il-Belt  Damico miet u t-tifel tiegħu miet. “Fenech & Scerri’ mietu t-tlieta li huma, Aquilina miet ukoll. Ġużeppi Flaherty fejn il-knisja ta’ San Pawl miet ukoll.  It-tifel tiegħu kellu ħanut Santa Venera żarma ukoll. Illum qed nixtri l-materjal mingħand wieħed. Jekk dan il-wieħed ma jġibx il-materjal trid tieqaf. M’hemmx triq oħra. Però sa issa għadni hawn. Dment li għandi saħħti nibqa’ hawn għax is-sengħa bqajt inħossha u dejjem bl-għajta dak li nagħmlu isir sewwa.”

Imma kellu lil xi qarib skarpan?

Toni jgħidli li “le. Missieri kien surġent fil-militar.  Konna seba’ subien u dak iż-żmien jekk kont taqla’ xi ħaġa tieħu pjaċir.  Darba minnhom kont qed nilgħab ma’ sħabi.  Mort għand tal-merċa u għedtlu jtini tazza ilma biex ma noqgħodx inmur id-dar.  Qalli Ton tridx hawn skarpan tmur toqgħod tibblakkalu ż-żraben. Qalli itik xi ħaġa. Mort ngħid lil ommi u ommi qabditni minn idi u ħaditni għandu u qaltlu żommu ħdejk, ittih xejn  għax joqgħod jiġrili barra mat-tfal. Għamilt 12-il sena miegħu. 

Minn 4.30 ta’ wara nofsinhar  sat-8 ta’ filgħaxija u s-Sibt mit-8 ta’ filgħodu sat-8  ta’ filgħaxija. Kien itini tlett xelini fil-ġimgħa ta’ seba’ snin. Imbagħad beda jtini, erba’ xelini u telgħu għal ħames xelini. Ta’ sittax-il sena ħriġt mill-iskola għamilt il-ktieb tax-xogħol u beda jtini Lm4. Ta’ dsatax-il sena kont sibt din il-kamra u għalaqt ħalqi . Jiġifieri lill-imgħallem ma’ kontx għedtlu.”

Kelli xi ngħid mal-imgħallem…kien żiedni… imma ftaħt għal rasi

Jgħidli li “ta’ 19-il sena kelli xi ngħid miegħu. U dak iż-żmien kelli erbat ijiem leave. U wara erbat ijiem ġie għalija d-dar. Kieni itini Lm6 fil-ġimgħa. Tani Lm7, Lm8 u wassal sa Lm9. U jien xorta ma aċċettajtx. U għedtlu xbajt. Telgħet ommi minn warajja u qaltlu li kont sibt naqra ta’ kamra u se narma għal rasi. Tlaqtu is-Sibt u t-Tnejn bdejt hawn. Jien f’ħajti qatt ma rreġistrajt. Lanqas darba. Għandi 44 sena bolol. Dejjem ħallasthom.”

Kliem Malti marbut maż-żarbun

Din is-sengħa li tant kienes b’saħħitha għadd ta’ snin ilu, tuża għadd ta’ kliem li llum tista’ tgħid li qegħdin jgħibu. Is-sullatura, li hi l-parti tal-wiċċ taż-żarbun. Fuq in-naħa ta’ ġewwa tas-sullatura tinħiet dik li ngħidulha l-inforra, Il-qiegħ taż-żarbun ngħidulu l-pett. Kien ikun hemm dik il-parti magħrufa bħala l-gwardjun li kienet parti li kienet tkun parti li toħroġ mill-ġenb biex tipproteġieh.  Fejn tidħol it-takkuna din tkun magħmula minn dawk magħrufa bħala sopratakki.

Jibda jkellimni fuq l-għodda

“Dan martell tal-iskrapan. Kien tal-imgħallem. Dan għandu ‘lfuq minn disgħin sena. Skieken, illum lanqas għadek issib. Jien niftakar, li  meta konna nagħmlu xirja mingħand Flaherty ta’ Lm70 jew Lm80,  kien itina sikkina b’xejn. Taf kemm saret din is-sikkina llum? Saret €25. Din ta Sheffield imma lanqas għandek issibha. Din il-biċċa għodda jgħidulha ‘Farrett’. Dan biex ittaqqab ic-cintorini. Dan lanqas għadek issibu. Dejjem ħdimt b’idejja u qatt ma ħdimt bil-magni. Darba kien hawn Ġermaniż u lil waħda mara smajtu jgħidilha ma nafx kif jaħdem daqhsekk pulit dan ir-raġel mingħajr magni. Ilni fis-sengħa mindu kelli seba’ snin. Issa dan ifhmu int. Jien onest ma’ kulħadd. Dak in-natural tiegħi. It-trobbija tiegħi ma kinitx…” 

Jieqaf u jkompli: “missieri kien surġent fil-militar. Kif iħares lejja kont tobdi”. 

Xi erba’ skrapan fadal…..

Toni jgħidli “llum il-kontra. Jekk ma jissewwiex, lill-klijenta ngħidilha biex  ma tagħmlux. Ma nħarisx lejn il-flus. Mhux se naqdiha, noħdilha xi €5 u wara ġurnata jmur. Nitmejjel bin-nies qatt”.

Ikompli jgħid li “smajt  li fadal xi erba’ skrapan. Issa ifhimni li wieħed jaqta iċ-ċwievet u jagħmel is-sopratakki, dak mhux skarpan ta. Din il-ġimgħa kelli bċċctejn xogħol. Il-kijenta ħaditli ritratt u  qaltili ħa ngħidlek f’wiccek, qed narah u mhux nemmen. 

Xtrat sandli għax kellha okkażjoni tat-tieġ tat-tifla u kellha l-għarqub ‘lbarra u għand min xtratu bgħatha għandi għax ma kellux ieħor u hi riditu.

Riedet tqassru minn wara u biex tqassru minn wara trid iżżarma tlett kwarti minnu.  Ġiet it-tnejn u sabitni daqxejn kwiet. Għeditilha oqgħod bilqiegħda. Qaltli jiġi pulit hu?  Għedtilha jien rajtu, issa oqgħod hemm.  Żarmajtu. Qisu bniedem qed jagħmel il-bypass. Qaltli ħa ġġennini.  Għamiltu kif suppost. Ħaditli ritratt u qalti ma rridx nemmen. Le jien mhux skarpan ta’ llum. Lili tħallatnix ma’ dak u ma’ l-ieħor. Ifhem kulħadd jgħid li hu tas-sengħa imma imbagħad trid tara l-klijenti u x-xogħol. Jiġu nies hawn, jgħiduli jekk tagħlaq niġi d-dar. Ngħidilhom jekk ngħlaq spiċċa kollox.

Ifhem għandi 74 sena u ma jonqosni xejn.Nigi nagħmel san-nofsiegħa u nitlaq Għax jien mhux minn dawk li nmur il-pjazza ta’ Raħal ġdid, ħadt tazza te u din it-tazza te iddum nofs ta’ nhar u noqgħod inħares ‘lhemm u  lhawn. Ħbieb għandi u nirrispettaionm. Dment li għandi saħħti nibqa’ hawn u sakemm nibqa’ insib il-materjal.”

Għajjixt il-familja minn din il-kamra

“Għajjixt il-familja minn hawn, min din il-kamra. Jien iżżewwiġt fl-1981. Xtrajt fejn noqgħod. Kelli żewġt itfal u rabbejthom. Tgħallmu l-iskola. Wieħed iżżewweġ u jaħdem ġo fabbrika u l-ieħor Kordin. It-tfal mhux bżonni. It-tfal tal-affari tagħhom u bil-għaqal. It-tifel għandu żewġt itfal, żewġ subien kbar ukoll llum. Illum m’għandi bżonn xejn u dak li nagħmel nagħmlu minn qalbi”.

In-neputijiet interessati fis-sengħa?

Nistaqsih dwar jekk in-neputijiet humiex interessati f’din is-sengħa.

Toni jgħidli li “kieku stess jieħdu interess lanqas inħallihom. Mela llum fadal hekk?  Li kelli nagħmel għamiltu. Meta ġejt hawn ix-xogħol kien fl-aqwa tiegħu.  Meta kont mal-imgħallem kien ikollna ħafna xogħol, Parpettijiet tan-nagħal  tħitu. Konna nagħmlu il-ġdid. Illum spicca kollox. Illum jgħidulek nixtru żarbun €10 u jekk ma tilbsux ukoll jinqala’.  Tagħmel ħmistax u tarmi. Dik is-sistema qegħdin llum.  Biex tixtri t-tajjeb illum trid mal-€100. Illum qegħdin jimxu, li  jixtru l-irħis u jarmu.”

Bqajna għal xi ħin nammiraw dik il-kamra ċkejkna mgħammra b’dawk l-għodda żgħar tal-idejn. Tlaqna b’ċertu dieqa. Min jaf kemm se jdum hemmhekk Țoni? Kif Toni jagħlaq il-bieb, il-Gżira u Malta tkun tilfet ikona oħra.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport