Il-poplu Malti reġa’ ta mandat b’saħħtu lill-Partit Laburista biex ikompli jmexxi lil pajjiżna għall-ħames snin li jmiss. Għall-ewwel darba, partit politiku Malti rebaħ 4 elezzjonijiet infila. Mument storiku għal pajjiżna u għall-Partit Laburista. Riżultat li bagħat messaġġ ċar favur it-tmexxija tal-Partit Laburista fl-aħħar snin. Riżultat li tajjeb li wieħed ikompli janalizzah u jaqra l-messaġġi kollha li jwassal.
Mill-ewwel jiem
Il-ħidma bdiet mill-ewwel jiem li ġie ffurmat il-kabinett. Minn hawn nawgura kull suċċess lill-Kabinett immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela. Hemm ħafna tajjeb fuqiex il-Gvern Laburista ikompli jibni u ninsab ċert li se jiġi segwit pjan ċar biex pajjiżna jibqa’ fit-triq tas-suċċess u tiġdid.
Ir-riżultati li tħabbru mill-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fl-ewwel jiem huma inkoraġġanti ferm. Bagħtu sinjal ċar ħafna dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tal-pajjiż. Ċertifikat ċar ħafna kemm il-formola tat-tmexxija finanzjarja hija waħda li tat u se tkompli tati r-riżultati tajbin għal pajjiż.
Wieħed irid ifakkar li fl-aħħar snin il-gvern Laburista naqqas il-piż tat-taxxa f’diversi okkażjonijiet. Fi żmien il-pandemija ra li jagħti s-sostenn kollu meħtieġ biex ma jintilfux il-postijiet tax-xogħol, kien tarka għall-familji meta ra li l-prezzijiet tal-elettriku u l-fjuwil jibqgħu stabbli minkejja l-kunflitti u l-instabbiltà fil-prezzijiet internazzjonali. Ingħatat din l-għajnuna kollha lin-nies u għaliex l-ekonomija ta’ pajjiżna baqgħet tikber, illum qed nimmarkaw riżultati finanzjarji tal-pajjiż mill-aktar pożittivi.
Dan iċ-ċertifikat li ngħata pajjiżna mhux biss huwa konferma tas-saħħa tal-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna iżda wkoll huwa garanzija kemm il-manifest li ppreżenta l-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni se jkun qed jitwettaq.
Sette Giugno
Il-kommemorazzjoni tas-Sette Guigno seħħet fi żmien meta l-Parlament għadu ma infetaħx għal din il-leġislatura. Ċeremonja li tiġi orġanizzata mill-Ispeaker tal-Kamra biex tfakkar avveniment importanti fl-istorja ta’ pajjiżna. Aktar milli rakkont ta’ ġrajja, huwa aktar importanti li wieħed jifhem is-sinjifikat ta’ dak li seħħ aktar minn mitt sena ilu u x’wassal fil-mixja kostituzzjonali ta’ pajjiżna.
L-Ispeaker Anġlu Farruġia wassal messaġġ b’saħħtu ħafna fid-diskors tiegħu. Ta’ min jgħid li dan huwa l-aħħar diskors tal-Ispeaker Farrugia f’din l-okkażjoni hekk kif tħabbar li għal din il-leġiżlatura se jiġi nnominat Speaker ġdid.
Diskors li fih issemmew ħafna kisbiet fl-istituzzjoni tal-Parlament u rrid ngħid li l-iSpeaker Anġlu Farrugia ħadem bi sħiħ biex dawn il-kisbiet issemmew. L-iSpeaker Farrugia ħalla legat b’saħħtu bħala speaker speċjalment fejn jidħlu pubblikazzjonijiet u ġabriet ta’ rulings li ngħataw u wieħed irid isemmi li l-ħidma tiegħu fuq livell internazzjonali kienet notevoli.
Fid-diskors tiegħu l-iSpeaker tkellem ċar li l-istituzzjoni tal-Parlament teħtieġ diversi riformi minkejja t-tiġdid li sar tul is-snin imma hemm appell għal aktar serjetà fil-mod kif isiru l-affarijiet. Jirreferi wkoll għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda u stqarr hekk: “Mingħajr ma jitlef id-dinjità tiegħu, irridu wkoll Parlament li jitkellem il-lingwa tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Il-Parlament għandu jidħol b’aktar kuraġġ fl-edukazzjoni ċivika, fil-laqgħat mal-istudenti, fit-teknoloġija, fl-intelliġenża artifiċjali u fl-aċċess għal persuni b’diżabilità.”
Naħseb il-messaġġ li għadda l-iSpeaker fis-Sette Giugnio jeħtieġ li jingħata attenzjoni u jservi bħala punt ta’ tluq għal aktar ħidma, diskussjoni u deċiżjonijiet fiż-żmien li ġej.
Fuq nota personali irrid pubblikament nirringrazzja lill-iSpeaker Anġlu Farrugia għall-ħidma tiegħu f’dawn it-13-il sena li serva bħala Speaker.
X’tirrapporta l-media mill-Parlament
Ftit tas-snin ilu, niftakarni nagħmel diskors pjuttost twil dwar ħidma fid-dekasteru li tiegħu kont responsabbli. Diskors li semma ħafna dettalji u inizjattivi li kien importanti li jissemmew. Warajja kien tkellem il-Perit Toni Bezzina li s’intendi għamel il-punti tiegħu f’isem l-Oppożizzjoni. Fi tmiem id-diskors tiegħu, meta l-microphone kien għadu mixgħul għadda kumment fuq kemm dam bħala diskors u ħarbitlu waħda.
Il-media ma rrapportat xejn minn dak li għedna bħala kontenut imma ż-żelqa tal-ilsien tal-Perit Bezzina tgħidx kemm ingħatat attenzjoni. Ovvjament il-media soċjali xegħlet u l-filmat tgħidx kemm ġera. Nifhem li hemm dinamika x’jiġbed l-attenzjoni, imma fil-Parlament jingħad ħafna kontenut li l-media tagħżel li ma tirrappurtax. In-nies dwar xi żelqa biss għandhom ikunu infurmati?


