Jekk hawn Gvern li bla dubju kien katalista fir-riformi dwar id-drittijiet u l-libertajiet civili f’pajjiżna hu Gvern Laburista. Mill-2013 ‘il quddiem iddaħħlu sensiela ta’ drittijiet ġodda għal persuni LGBTIQ+ li qabel lanqas biss konna noħolmu bihom.
Tabilħaqq li Malta trasformat ruħha minn wieħed mill-aktar pajjiżi konservattivi fl-Ewropa għal wieħed mill-aktar pajjiżi progressivi fejn jidħlu l-libertajiet ċivili.
Rajna l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-IVF. Rajna l-introduzzjoni tal-unjonijiet ċivili fl-2014 li taw drittijiet ugwali lil koppji tal-istess sess, inkluż id-dritt tal-adozzjoni. Issaħħu l-protezzjonijiet kostituzzjonali kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru.
Fl-2015 għaddiet waħda mill-aktar liġijiet avvanzati fid-dinja dwar l-identità tal-ġeneru u d-drttijiet ta’ persuni transgender. Fl-2017 ġie legalizzat iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess b’appoġġ parlamentari qawwi ħafna u Malta saret simbolu internazzjonali ta’ ugwaljanza u inklużjoni.
Barra minn hekk, ġew immodernizzati l-liġijiet ta’ koabitazzjoni filwaqt li l-Gvern kompla jsaħħaħ il-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+. Minn hemm ‘l quddiem, ir-riformi f’dan il-qasam ma waqfux, anke f’dawn l-aħħar snin fejn rajna ħemel ta’ miżuri f’dan ir-rigward.
Xhieda ta’ kemm dan il-Gvern huwa riformista u jaħseb biex ikompli jagħti aktar drittijiet lil dawn il-persuni, kien il-fatt li nħatar Ministeru li se jkun responsabbli għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili. Iżda filwaqt li Malta mxiet triq twila fuq l-ugwaljanza u llum pajjiżna huwa mudell għal pajjiżi fir-riformi u drittijiet ċivili, dan ma jfissirx li ma fadalx xi jsir. Li mhux aċċettabbli żgur hu meta jkun hemm min jiżżuffjetta b’ħaddieħor, f’dan il-każ il-komunità LGBTIQ+, jew agħar minn hekk jgħajjar lil dak li jkun.
L-istituzzjonijiet iridu jkomplu jħarsu l-ugwaljanza f’kull sfera tal-ħajja filwaqt li jkunu attrezzati bl-għodod leġiżlattivi li jipproteġu nies vulnerabbli mill-abbuż, fosthom l-isfruttament u l-użu ħażin tal-għodod diġitali.


