Thursday, April 18, 2024

JIEN MIN JIEN BIEX NIDDEĊIEDI GĦAL ĦADDIEĦOR?

Aqra wkoll

Sa mill-ewwel tagħlimiet siewja fil-binja tal-karattru tagħna nsibu l-ispalla tal-ġenituri jew dawk li jkunu qegħdin jindukrawna li jgħallmuna li, filwaqt li għandna nkunu umli, jeħtieġ li nkunu kburin bl-abbiltajiet u dak li jsawwarna. Dawn il-valuri li llum il-ġurnata biex ngħidu hekk ingawduhom iżjed minn qatt qabel permezz ta’ avvanzi kbar ċivili li saru fl-aħħar snin f’pajjiżna li jmorru lil hinn minn dak li sfortunatament qegħdin naraw f’pajjiżi bħalma huwa l-Ungerija. Dan hekk kif f’dan il-pajjiż ġiet introdotta liġi li tipprojbixxi l-wiri tal-identità ta’ persuni LGBTIQ, liema liġi ħolqot diversi reazzjonijiet fosthom dik ta’ rabja minn dawk li matul is-snin edukaw rwieħhom dwar is-suġġett.

Nemmnu li d-deċiżjoni li Malta tintervjeni fil-kawża li l-Kummissjoni Ewropea fetħet dwar liġi ta’ propaganda li daħlet fis-seħħ fl-Ungerija kontra d-drittijiet fundamentali ta’ persuni LGBTIQ+ hija f’waqtha anke biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha quddiem kisbiet bla preċedent favur l-inklużjoni ta’ dawn il-persuni.

Fost il-messaġġi ta’ kisbiet f’għeluq l-għaxar snin ta’ gvern Laburista, il-partit għażel li jagħti l-opportunità wkoll lil persuna transgender li taqsam il-ħsieb tiegħha. Fost il-ħafna kisbiet tkellmet dwar il-liġi taż-żwieġ ċivili, l-aċċess li jistgħu jadottaw it-tfal u anke opportunità ta’ IVF, biex illum il-ġurnata jistgħu jibnu familja. Iżda fuq kollox nemmnu li l-iktar messaġġ b’saħħtu f’filmat ta’ ftit sekondi huwa li llum il-ġurnata dawn il-persuni f’pajjiżna ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq, ovjament f’sens pożittiv. 

Ma rridux immorru ħafna lura fis-snin biex niftakru li dawn il-persuni, anke f’pajjiżna, qabel kienu beżgħana li joħorġu l-identità tagħhom fil-beraħ anke minħabba l-fatt li għal ħafna kienu meqjusin bħala taboo fis-soċjetà li fiha kien normali li jkollok irġiel u nisa hekk imsejħa normali.

Nemmnu li hemm bżonn li tittieħed pożizzjoni b’saħħitha kontra dawk li jippruvaw ixekklu dan il-progress, li mhuwiex qiegħed isir biss f’pajjiżna, iżda hija realtà li għad hemm soċjetajiet li għadhom qegħdin jopponu bil-qawwa li dawn il-persuni jgħixu ħajja libera, kuntenti u ’l bogħod mill-istigma. 

Il-progress ta’ pajjiżna fejn jidħlu liġijiet u politika favur l-ugwaljanza LGBTIQ+ se jiġi ċċelebrat f’Settembru hekk kif Malta se tkun qed tospita l-Europride li se sservi bħala okkażjoni biex intennu l-impenn tagħna lejn aktar ugwaljanza.

Ekonomija

Sport