Sunday, December 22, 2024

Jifranka priġunerija wara li temm b’suċċess programm ta’ rijabiltazzjoni

Aqra wkoll

Shawn Borg ta’ 37 sena ffranka sentenza ta’ ħabs wara li l-Qorti tal-Appell ħadet inkonsiderazzjoni li f’dan iż-żmien hu temm b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni.

Kien fl-2007 meta r-raġel kien instab li kellu fil-pussess tiegħu r-raża tal-kannabis. Imbgħad fl-2020 kien ġie kkundannat sitt xhur ħabs u multa ta’ €950. Hu kien appella minn din is-sentenza.

Borg kien ammetta li jieħu l-kannabis flimkien mat-tfajla tiegħu u anke ma’ sħabu. Hu kien qal li kien jixtriha għalih personali, iżda minħabba li l-prezz kien wieħed għoli kien xtara ammont kbir biex jeħodha bi prezz orħos. Hu qal li dan l-ammont kien inqasam bejnu u bejn it-tfajla tiegħu u parti oħra ħadha ħabib li dan tal-aħħar kien qal li kien jixtri d-droga mingħand Borg.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri qalet fis-sentenza tagħha li mill-provi mressqa jidher li hu kien ġie nkarigat biex jakkwista d-droga għal ħaddieħor tant li anke sħabu għaddewlu xi flus biex ikun jista’ jixtri bihom. Qalet li għalhekk dan il-każ ma jaqax taħt il-liġi ta’ “trafficking by sharing”. Dawn wassal biex il-Qorti tal-Appell taqbel mal-Ewwel Qorti.

L-Imħallef Camilleri nnota li minn dak iż-żmien sal-lum Borg għamel programm ta’ rijabilitazzjoni u temmu b’suċċess. Qies ukoll li l-fedina penali tiegħu wara temm il-programm hija kompletament nadifa.

Kien għalhekk li l-Qorti tal-Appell biddlet is-sentenza ta’ ħabs għal waħda sospiża. Flimkien ma’ dan hija kkonfermatlu l-ħlas tal-multa ta’ €950 kif ukoll ta’ €139 fi spejjeż tal-Qorti.

Ekonomija

Sport