Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li fetħu l-applikazzjonijiet għall-fond Rock’N Malta 2025, fejn qed jiġu allokati fondi li jammontaw għal €300,000.
Dan il-fond huwa parti mill-portafoll estensiv ta’ Festivals Malta bil-għan li toffri għajnuna finanzjarja kif ukoll linji gwida fl-organizzazzjoni lill-artisti, l-organizzaturi u l-promoturi ta’ avvenimenti tal-mużika rock u s-sottoġeneri tagħha.
“Dan il-fond jgħin biex jtejjeb l-ambjent kulturali u mużikali ta’ pajjiżna fil-qasam tal-ġeneru rock. Il-fondi allokati joffru appoġġ siewi lil dawk li jaħdmu fil-qasam tal-mużika rock, u ninsab kuntent li dan il-programm kompla jissaħħaħ tul is-snin. Aħna kommessi li nkomplu nappoġġjaw l-artisti u l-organizzaturi biex itejbu l-kwalità tal-avvenimenti kulturali f’Malta,” sostna l-Ministru Bonnici.
Il-Ministru kompla li tul is-snin, Rock’N Malta kien ta’ benefiċċju għal diversi avvenimenti lokali bħal Rock the South, Dark Malta, Earth Garden, Għaxaq Music Festival u oħrajn, kif ukoll għal kunċerti minn artisti bħal Lordi, Anastasia, Dream Theatre, Steve Hackett u aktar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius spjega, “Permezz ta’ Rock’N Malta, Festivals Malta qed tilħaq firxa usa’ ta’ udjenza minn dik li nilħqu bil-festivals tagħna. B’dan il-fond qed inkomplu ninvestu fil-ġeneru tar-rock, u ser inkomplu naħdmu biex nagħtu aktar importanza lil dan is-settur mużikali li tant huwa popolari f’pajjiżna.”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet żvelata wkoll il-brand il-ġdida ta’ Rock’N Malta. “Ħassejna l-importanza li nagħtu identità aktar vibranti lill-inizjattiva mhux biss biex il-brand tkun aktar appellabbli iżda tkun qed tirrappreżenta l-ġeneru tar-rock b’mod aħjar,” ikkonkluda s-Sur Agius.
L-applikazzjonijiet għall-fond Rock’N Malta 2025 jagħlqu fl-20 ta’ Settembru 2024. Kull min hu interessat japplika għandu jżur is-sit www.festivals.mt għal aktar informazzjoni.