Raġel ta’ 41 sena tressaq il-Qorti fejn ġie akkużi bi vjolenza domestika fuq is-sieħha tiegħu. Intqal li l-imputat u l-allegat vittma għandhom ulied flimkien.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ beda fl-20 ta’ Awwissu li gaħdda b’argument fil-Pjazza ta’ Buġibba meta s-sieħba akkużat lir-raġel li kien qiegħed f’relazzjoni oħra.
L-argument baqa’ għaddej wara li telqu minn Buġibba fejn allegatament waqt li kienu fil-karozza, l-akkużat refa’ jdejh fuq is-sieħba. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat beda jagħtiha bil-ponn, qabadha minn xagħarha u kkaġunalha ġrieħi ħfief.
Isem ir-raġel li fil-qorti wieġeb mhux ħati, ismu ma jistax jixxandar minħabba li l-wild tal-koppja għadu minuri.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li ma hemm l-ebda fattur li dan għandu jibqa’ jinżamm arrestat u l-vittma tista’ tixhed xorta waħda.
Id-difiża qalet ukoll li diġà sar risk assessment u għaldaqstant m’hemm l-ebda raġuni għala ma għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest jekk ikun hemm kundizzjonijiet u restrizzjonijiet stretti.
Intqal li l-akkużat diġà għandu każ ieħpr quddiem l-Imħallef Neville Camilleri u dejjem osserva l-kundizzjonijiet imposti mill-qorti.
Il-Maġistrat Nadia Helena Vella wara li semgħet anke lill-Prosekuzzjoni laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma jkellimx lill-vittma jew jikkomunika magħha, u depożitu ta’ €5000 u garanzija ta’ €5000. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
