Jiżdiedu l-impjiegi full-time u anke dawk part-time f’Marzu

Aqra wkoll

FʼMarzu 2026, l-impjiegi full-time żdiedu b’4.7 fil-mija, filwaqt li dawk part-time bħala impjieg ewlieni żdiedu b’7.3 fil-mija fuq Marzu 2025.

Tagħrif amministrattiv taʼ Jobsplus juri li, fi żmien sena, il-provvista tal-ħaddiema (esklużi l-part-timers) żdiedet bʼ4.7 fil-mija biex laħqet it-309,070. Dan kien ġej l-aktar minn żieda fl-impjiegi rreġistrati full-time (13,726) u fil-qgħad irreġistrat (230).

Ix-xogħol full-time rreġistrat 

Is-servizzi amministrattivi u ta’ sostenn u l-Informazzjoni u komunikazzjoni kienu l-oqsma li l-aktar wasslu għaż-żieda fix-xogħol full-time, bʼ1,898 u bʼ1,562, rispettivament, f’Marzu ta’ din is-sena meta mqabbla maʼ Marzu 2025. 

L-impjiegi full-time rreġistrati fis-settur privat telgħu bi 11,609 għal 251,693, filwaqt li dawk fis-settur pubbliku żdiedu bʼ2,117 għal 56,090.

l-NSO tirraporta li l-għadd taʼ nies irreġistrati li jaħdmu għal rashom full-time telaʼ bi 871 meta mqabbel maʼ Marzu 2025, mentri l-għadd taʼ persuni rreġistrati bħala impjegati żdied bi 12,855. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa li jaħdmu full-time telgħu bʼ4.7 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel.

Ix-xogħol part-time rreġistrat  

FʼMarzu 2026, l-impjiegi rreġistrati part-time żdiedu bʼ9.9 fil-mija meta mqabblin mal-istess xahar fl-2025. L-oqsma li l-aktar wasslu għaż-żieda kienu t-Trasport u l-ħażna u l-Attivitajiet taʼ servizz tal-akkomodazzjoni u tal-ikel, li żdiedu bʼ1,528 u bʼ1,127, rispettivament. 

L-għadd taʼ nies li kellhom kemm impjieg part-time kif ukoll ieħor full-time laħqu l-51,206, żieda taʼ 11.9 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar fl-2025. Il-persuni li kellhom biss impjieg part-time kienu jammontaw għal 36,844, żieda taʼ 7.3 fil-mija meta mqabblin mal-istess xahar fl-2025.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport