Tuesday, December 10, 2024

Jinstab ħati f’ġuri li pprova joqtol raġel f’Ħaż-Żebbuġ fl-2020

Aqra wkoll

Fi tmiem ġuri, tard it-Tnejn filgħaxija, Paul Borg ta’ 68 sena minn Ħaż-Żebbuġ instab ħati li fl-2020 ipprova joqtol lil Mario Grech u li kkaġunalu feriti gravi f’inċident separat is-sena ta’ qabel.

Il-ġurati sabu lil Borg ħati bi tmien voti kontra wieħed tal-akkużi kollha ħlief dik li kkawża ħsara intenzjonata fuq il-proprjetà ta’ terzi.

Is-sentenza fil-konfront tiegħu se tingħata nhar il-Ħamis li ġej wara li jkunu tressqu s-sottomissjonijiet mill-avukati dwar il-piena.

Dan il-ġuri kien beda l-ġimgħa li għaddiet. Il-Qorti semgħet kif f’Settembru ta’ erba’ snin ilu, l-akkużat tefa’ żewġ briksiet lejn Grech wara li lemħu jagħmel xi xogħlijiet fil-bitħa tar-residenza ta’ ibnu li tmiss mal-proprjetà ta’ Borg.

Espert tekniku u espert ieħor imqabbad mill-Qorti sostnew li kieku Grech ma aġixxiex mill-ewwel u ma resaqx minn fejn kien meta twaddbu l-briks, l-impatt fuqu kien ikun tali li joqtlu.

Fil-Qorti nstema’ wkoll kif sena qabel seħħ dak l-inċident, l-akkużat kien ħebb għall-vittma bi xkupa mkissra.

Il-ġuri nstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Darlene Grima u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo assistew lil Borg.

L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għall-parte civile.

Ekonomija

Sport