Saturday, May 18, 2024

Jinstab mejjet priġunier minn erbgħa maħruba f’Mississippi

Aqra wkoll

Priġunier maħrub miet u tlieta oħra għadha għaddejja t-tfittxija għalihom fl-istat Amerikan ta’ Mississippi.

Wieħed mill-priġunieri maħruba, Dylan Arrington ta’ 22 sena, huwa maħsub li qatel raġel filwaqt li seraqlu t-trakk tiegħu.

Ilbieraħ, il-Pulizija qalet li l-katavru ta’ Arrington instab f’bini li ngħata n-nar fil-belt ta’ Kartaġni.

Skont l-awtoritajiet, l-erba’ suspettati kienu rrapportati nieqsa minn Ċentru ta’ Detenzjoni qrib Jackson, il-Ħadd li għadda.

Minn tal-inqas wieħed mis-suspettati huwa maħsub li ħarab lejn Texas. Minbarra Arrington, it-tliet priġunieri l-oħra ġew identifikati bħala Jerry Raynes ta’ 51 sena u Casey Grayson u Corey Harrison, it-tnejn ta’ 22 sena.

Raynes għandu storja twila ta’ ħarbiet mill-ħabs, inkluż minn dan iċ-ċentru lura fl-2021

L-irġiel kienu qed jinżammu arrestati fuq varjetà ta’ akkużi, priniċpalment dawk relatati ma’ serq. Arrington kien ilu jiskonta piena fuq akkużi relatati ma’ żamma ta’ arma tan-nar u serq ta’ karozzi.

Sadanittant, l-awtoritajiet wissew lir-residenti taż-żona sabiex joqogħdu attenti għas-suspettati hekk kif il-pulizija lokali, statali u federali għadhom għaddejjin bit-tfittxijiet tagħhom.

Permezz ta’ kitba fuq Facebook, l-awtoritajiet ta’ Leake County talbu lir-residenti biex ikunu “estremament kawti”, iżommu l-bibien tagħhom magħluqa u jevitaw li jkollhom ċwievet jew armi f’vetturi pparkjati.

Sport