Tuesday, May 14, 2024

“Il-poplu dara jgħix komdu u mhux lest li jmur lura”

L-ekonomista Clint Flores jisħaq li f’kuntest ta’ gwerra s-soċjal għandu jieħu preċedenza fuq kollox

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Wasal iż-żmien li jkun hemm ftehim fuq il-paga minima b’mod settorjali. Dak li qiegħed isir huwa tajjeb imma l-pass li jmiss huwa li mmorru f’livell għola fejn jidħol is-soċjal li għandu jieħu preċedenza fuq kollox. Il-poplu dara jgħix komdu u mhux lest li jmur lura. Għalhekk f’kuntest fejn il-Gwerra tal-Ukrajna affettwat lil kulħadd, il-Gvern Malti jrid jibqa’ jagħti s-sussidju fuq id-dawl u l-ilma u anke dak fuq il-fjuwil, kif fil-fatt qiegħed jagħmel. Jagħti l-kumpens li hemm bżonn, imma fl-istess ħin għandu jagħmel kampanja biex tonqos il-ħela u nkunu aktar sostenibbli fid-deċiżjonijiet tagħna”.

Hekk sostna l-ekonomista Clint Flores l-aħħar konferenza ġenerali tal-Partit Laburista li kien fost il-kelliema ewlenin mistiedna għal din l-okkażjoni. Min-naħa tiegħu huwa beda biex qal li meta l-Partit Laburista ħa t-tmun tal-pajjiż lura fl-2013, dan il-moviment ingħaqad flimkien u beda jaħdem bla heda biex ikabbar l-ekonomija u joħloq il-ġid. Fil-fatt, hekk kif spjega lil talk.mt, dan wassal biex l-ekonomija Maltija irdoppjat u għalhekk ir-riżorsi umani kellhom jiġu mkabbra wkoll li wassal ukoll għal domanda akbar ta’ riżorsi umani.

Il-UE għamlet il-Gwerra tal-Ukrajna tagħha…

Huwa qal li sfortunatament, l-Unjoni Ewropea għamlet il-Gwerra tal-Ukrajna tagħha u li, “għadhom ma stnebħux fuq is-sitwazzjoni li hemm barra fit-triq. Minħabba l-problema tas-sanzjonijiet, il-prezzijiet spoldew madwar id-dinja kollha. Nemmen li din se tippersisti u se nibqa’ ngħidha bħalma s-sena l-oħra bassart li se jiġri. Ir-Russja mhiex se ċċedi għax issa m’għandhiex x’titlef. Apparti minnhekk ġejja instabbilità sħiħa oħra fis-Sudan li jista’ jkollha effett kbir fuq ir-reġjun tal-Libja u ‘l fuq”.

Filwaqt li min-naħa tiegħu jemmen li s-sitwazzjoni “addizzjonali” tas-Sudan ġiet maħluqa possibbilment mir-Russi bil-għan li l-attenzjoni taqa’ fuq hemm u mhux biss fuq l-Ukrajna, Flores ma setax ma jitkellimx dwar ir-realtà li nħolqot tal-għoli tal-ħajja kawża tal-istess Gwerra. “Ħafna nies qegħdin iħossu l-morsa tal-għoli tal-ħajja. Meta tiġi f’sitwazzjoni fejn ma tkunx qiegħed tlaħħaq mal-prezzijiet, in-nies jibda jdejjaqhom kollox.

Ħafna nies m’għandhomx bżonn pjaċiri imma ħaqq u dritt lilhom, għax ilhom ħafna jistennew biex isir ħaqq magħhom. Apparti minnhekk, m’għandux ikun hemm sitwazzjonjiet fejn iż-żgħir jaqlagħha dejjem”.

F’kuntest fejn hawn problema ta’ għoli tal-ħajja madwar id-dinija, Flores jemmen li t-taħriġ kontinwu biex tikseb aktar effiċjenza fl-operati u anke fil-produttività tal-ħaddiema biex anke huma jkunu jistgħu jiċċaqilqu f’impjiegi li jrendulhom aktar, huwa kruċjali biex is-setturi tan-negozji ma jibqgħux jgħollu l-prezzijiet minħabba ż-żidiet statutorji li qegħdin jingħataw għall-għoli tal-ħajja.

Huwa qal li l-kumpens tal-għoli tal-ħajja qiegħed hemm biex l-aktar li jgħin liż-żgħir u lil dawk fil-klassi tan-nofs (middle class). Hawn, l-opinjoni tiegħu hija li n-negozji għandhom jieħdu konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha u huma wkoll jerfgħu biċċa mill-piż. “Jekk nitilfu l-kompetittività tiġihom agħar għan-negozji, allura m’għandhomx iħarsu fl-immedjat imma, fit-tul”.

Taħriġ tal-ħaddiema għal aktar effiċjenza

Fil-konferenza ġenerali Flores ta l-parir li l-Partit Laburista għandu jiffoka ħafna fuq is-soċjal u s-sostennibiltà, liema sostenibbiltà trid tara taħriġ kontinwu tal-ħaddiema ġejjin minn fejn ġejjin. “Meta tħares l-ambjent ma tistax tinjora s-soċjal u l-governanza. L-ambjent nisselfuh mingħand ta’ warajna u ma jistax ikollok sostennibiltà jekk ma timbottax lejn direzzjoni li tħarreġ il-ħaddiema.

Għandu jkun hemm ukoll sens ta’ etika kif nutilizzawh u dan l-ekonomist saħaq li meta jinħolqu spazji ħodor, l-importanti huwa li ma jkunux spazji eżistenti li kemm “titfa’ erba’ bankijiet u fl-istess ħin tittiekel art tal-gvern għall-iżvilupp x’imkien ieħor”.

Flores qal li dawn huma tliet temi kurrenti ħafna bħalissa fl-Ewropa. “Is-soċjal jirrikjedi taħriġ kontinwu tal-ħaddiema għax huwa katina mgħaqqda mas-sostennibiltà u li talloka l-istess ħaddiema f’impjiegi li jrendu lilhom u lill-ekonomija. Fil-fatt ma jistax ikollok tkabbir ekonomiku san jekk il-ħaddiema ma jkunux trattati b’dinjità, inkluż meta jkunu importati minn pajjiżi terzi,” spjega Flores.

Hawn dan l-ekonomista qal li biex tħarreġ il-ħaddiema jrid ikollok fejn jitħarrġu, inkluż l-iskejjel tas-snajja’. “Meta nimpurtaw ħaddiema minn pajjiżi terzi, għandu jkun hemm assessjar b’saħħtu anke tal-kwalifiċi u fejn hemm bżonn, la huma parti mill-popolazzzjoni, jingħataw taħriġ b’ħidma flimkien mas-settur privat. Għandu jkun hemm ukoll edukazzjoni u taħriġ fuq il-kultura tagħna u l-lingwa ħalli dawn ikunu jistgħu jgħinu fil-mod ta’ kif jopera l-pajjiż”.

Min-naħa tiegħu Clint Flores temm jgħid li, “m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni. Għandu jkun hemm infurzar fuq in-negozji li jiksru d-drittjiet tal-ħaddiema u anke jkunu mniżżla fuq reġistru għall-perjodu ta’ żmien. Ma jistax ikollok sitwazzjoni fejn il-ħaddiema jingħataw inqas benefiċċji minħabba li qegħdin jarawha problema li tingħata żieda għall-għoli tal-ħajja u setturi li huma f’kategorija ta’ riskju għoli, li jiksru d-drittijiet tal-ħaddiema u ma jkunux taħt moniteraġġ anke mill-banek meta jingħataw kreditu”.

Sport