Wednesday, April 24, 2024

Jintbgħat 11-il xahar ħabs u multa ta’ €500 għal każ li seħħ fl-2014

Aqra wkoll

Raġel ta’ 48 sena ntbgħat 11-il xahar ħabs u multa ta’ €500 wara li nstab ħati li f’Marzu tal-2014 kellu fil-pussess tiegħu 22 pilola Ecstasy.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet kif l-akkużat kien fi klabb tad-divertiment fir-Rabat Għawdex fi żmien il-Karnival. Hu u dieħel it-toilet qajjem suspett lill-pulizija li wara tfittxija li saret fuqu sabulu l-Ecstasy.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fil-belt ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Marzu tal-2014, kienu qegħdin jagħmlu spezzjonijiet fil-klabs f’Għawdex, meta f’wieħed minnhom innotaw lir-raġel dieħel u ħiereġ mit-toilets filwaqt li deher konfuż. Il-pulizija qalu li hekk kif marru biex ikellmuh, ir-raġel irrabja ħafna u pprova jaħrab.

Fix-xhieda tagħhom il-pulizija qalu li r-raġel kien maħmuġ, kollu għaraq u li żgur ma telax il-klabb dak il-ħin iżda kien ilu ġurnata jiġri barra.
Min-naħa tiegħu l-imputat qal li tela’ Għawdex biex igawdi l-karnival. Hu ċaħad li rema’ xi pilloli u qal li meta ġie mrassal mal-ħajt mill-pulizija ħaseb li kein xi ħadd li kien qed imurlu mal-mara.

Il-Qorti qalet li kienu dan il-kliem li qal l-akkużat ma ntqalx taħt ġurament, kieku r-raġuni li ta’ għaliex irreżista l-arrest kienet tkun storja tad-daħk. Il-Qorti nnotat wkoll li fl-ebda ħin ma tissemma min hi din il-mara li qal li kellu.

Hekk kif ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti nnotat li l-proċeduri bdew fl-2016 u dam ħames snin biex tingħata sentenza. Il-Qorti osservat ukoll li l-prosekuzzjoni naqset f’diversi okkażjonijiet biex tmexxi l-proċeduri kif kull proċess penali jixraqlu. Innotat iżda li kien hemm dewmien ukoll minħabba l-imputat innifsu.

Il-Qorti qieset li dan il-każ seħħ kważi disa’ snin ilu u li l-akkużat kellu 22 pillola ecstasy filwaqt li fil-passat kellu reati oħrajn. Għalhekk ġie kkundannat 11-il xahar ħabs u multa ta’ €500.

Sport