Jintemm b’suċċess l-ewwel grupp tal-programm ta’ sigurtà fl-ilma għal tfal bl-awtiżmu

Aqra wkoll

20 tifel u tifla, flimkien mal-ġenituri tagħhom, temmew b’suċċess l-ewwel edizzjoni tal-programm ‘Water Safety for Autistic Kids and Parental Skills Programme’. Fi tmiem il-programm, il-parteċipanti ngħataw ċertifikat bħala rikonoxximent għall-impenn tagħhom matul is-sessjonijiet.

Preżenti għall-preżentazzjoni ta’ dawn iċ-ċertifikati kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.  Din l-inizjattiva kompliet tibni fuq l-esperjenza tal-programm ‘Just Keep Swimming’ u kienet immirata lejn tfal bl-awtiżmu ta’ bejn it-3 u l-5 snin. L-ewwel grupp kien magħmul mill-ewwel 20 applikant, li ngħataw għaxar sessjonijiet imfassla apposta skont il-ħtiġijiet tagħhom.

Il-programm iffoka fuq il-ħiliet essenzjali marbuta mas-sigurtà fl-ilma, permezz ta’ metodi adattati għall-ħtiġijiet sensorjali, ta’ komunikazzjoni u ta’ tagħlim ta’ kull tifel u tifla. Il-parteċipazzjoni diretta tal-ġenituri kienet element ċentrali sabiex il-ħiliet miksuba jkunu jistgħu jkomplu jiġu msaħħa fid-dar.

L-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn hija sostnuta wkoll minn studji miċ-Ċentru Mediku Irving tal-Università ta’ Columbia, li jindikaw li t-tfal bl-awtiżmu huma madwar 160 darba aktar probabbli li jmutu bl-għarqa minn tfal oħra.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat li, “Illum qed naraw ir-riżultat konkret ta’ investiment immirat fit-tfal u fil-familji tagħhom. Permezz tal-għajnuna finanzjarja tal-Gvern, għamilna dan it-taħriġ speċjalizzat aċċessibbli mingħajr ħlas, sabiex l-ispiża ma tkunx ostaklu għall-parteċipazzjoni. Is-sigurtà fl-ilma hija ħila importanti għal kull tifel u tifla. Permezz ta’ intervent bikri u taħriġ adattat, qed ngħinu lil dawn it-tfal isaħħu l-kunfidenza, l-awtonomija u l-ħiliet tagħhom, filwaqt li nagħtu lill-ġenituri għodod prattiċi li jistgħu jibqgħu jużaw fil-ħajja ta’ kuljum.”

Il-Ministru Farrugia spjegat li dan il-programm huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika pubblika u tippromwovi soċjetà aktar inklussiva, ġusta u b’saħħitha.

“L-inklużjoni ma tfissirx biss li noħolqu servizzi, iżda li niżguraw li dawn ikunu aċċessibbli, imfassla skont il-ħtiġijiet tal-persuna u jwasslu għal titjib reali fil-kwalità tal-ħajja. Is-suċċess ta’ dan l-ewwel grupp jimlina b’kuraġġ biex inkomplu ninvestu f’inizjattivi li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tat-tfal u tal-familji tagħhom. Wara din il-fażi pilota, il-Gvern se jkun qed jaħdem biex il-programm jitwessa’ fuq livell nazzjonali fl-iskejjel kollha, bi twettiq ta’ wegħda oħra fil-manifest elettorali. B’hekk, aktar tfal bl-awtiżmu jkunu jistgħu jibbenefikaw minn taħriġ adattat li jsaħħaħ is-sigurtà, l-awtonomija u l-benesseri tagħhom,” temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.

Dan il-proġett jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, għat-tisħiħ tas-sigurtà u tal-awtonomija tat-tfal b’diżabilità, kif ukoll għall-parteċipazzjoni attiva tal-ġenituri fil-proċess tal-iżvilupp tat-tfal tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport