Għat-tmiem tal-programm “Life Skills Lab” saret attività fil-binja tal-Aġenzija Żgħażagħ f’Santa Venera, fejn żgħażagħ fl-etajiet bejn il-11 u s-16-il sena li ħadu sehem f’dan il-proġett kellhom l-opportunità jesebixxu l-proġetti, l-esperjenzi u l-ħiliet li kisbu matul dan il-programm. L-attivitajiet li kellhom iż-żgħażagħ, li mhumiex fil-forma ta’ edukazzjoni formali, huma intiżi biex jgħinu fl-iżvilupp personali, soċjali u edukattiv tagħhom.
Il-Programm Life Skills Lab huwa kontribuzzjoni diretta għat-twettiq tal-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ Lejn l-2030, hekk kif dan il-programm jenfasizza fuq il-benesseri tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, l-inklużjoni, l-iżvilupp personali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-opportunitajiet għal edukazzjoni mhux formali ta’ livell għoli.
Waqt din l-attività, il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia qassam iċ-ċertifikati ta’ parteċipazzjoni ta’ dan il-programm.
F’diskors li għamel il-Ministru Farrugia qal li “Like Skills Lab kienet inizjattiva għaż-żgħażagħ, fejn ingħataw opportunità għalihom sabiex jiskopru talenti ġodda, ħbieb ġodda, opportunitajiet ġodda u inizjattivi ġodda. Il-frott li jħallu programmi bħal dawn huwa l-akbar sodisfazzjon tagħna, li naraw li ż-żgħażagħ jibqgħu mexjin ’il quddiem u jibnu l-futur tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Jason Zammit qal kif din kienet ċelebrazzjoni taż-żgħożija fejn numru ta’ żgħażagħ li pparteċipaw fil-programmi ta’ Aġenzija Żgħażagħ urew il-ħiliet tagħhom, ħiliet li kisbu u ħiliet li se jibqgħu jużaw tul ħajjithom kollha.


