“L-għan tal-Gvern jibqa’ wieħed, dak li l-ġustizzja sħiħa ssir mill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, b’rispett sħiħ lejn is-saltna tad-dritt.” Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament dalgħodu waqt id-dibattitu, li kien intalab mill-Oppożizzjoni, b’rabta mal-verdett u l-għoti tas-sentenza tal-Erbgħa li għadda fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Waqt l-istess dibattitu, il-Prim Ministru akkuża lill-Oppożizzjoni li qed tilgħab logħba partiġġjana biex mingħaliha tirbaħ xi voti.
Fil-bidu tad-dibattitu, Dr Abela sellem il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia filwaqt li sellem ukoll lill-familja tagħha. B’rabta mal-verdett tal-ġurati, il-Prim Ministru qal li ma kienx se jikkummenta dwar jekk huma ddeċidewx sew skont l-evidenza mressqa quddiemhom fil-konfront tal-persuna li kellhom għall-ġudizzju tagħhom. “Noqgħod lura milli nikkummenta għax fil-kariga li nokkupa, ma jkunx prudenti illi nagħmel dan. U aktar nagħmel ħsara milli ġid għar-riċerka tal-verità,” qal il-Prim Ministru.
Min-naħa l-oħra, huwa qal li jinsab perpless kif hawn min – preżenti f’din il-Kamra, li kien għadu bilkemm inqara l-verdett mill-Prim Ġurat li ħareġ jiġri jiddefendi l-verdett bħala li jirrifletti l-evidenza li tressqet waqt il-ġuri. U dan meta l-istess familja tas-Sinjura Caruana Galizia stqarret l-opposti u ċioe li l-evidenza mressqa waqt il-ġuri kellha b’mod ċar twassal għal verdett oppost.
Il-Prim Ministru wkoll innota wkoll kemm huwa perikoluż meta bħala politiku, b’mod mgħaġġel u rresponsabbli, tipprova tirkeb fuq karru illi l-maturitàu r-responsabbiltà, jgħallmuk illi m’għandekx tirkbu biex tipprova tirbaħ kapital politiku partiġġjan.
Dr Abela kompla billi poġġa għadd ta’ mistoqsijiet lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Staqsieh għaliex ħa pożizzjoni dwar il-verdett u għaliex meta hemm terminu tal-appell għaddej, ħareġ jiġri jagħmel stqarrijiet li jfixklu u mhux jgħinu, kwalunkwe appell li jista’ jsir mill-Prosekuzzjoni fil-konfront tal-persuna li kienet akkużata.
Dr Abela qal ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni: “inti għedt se tagħmel protesta siekta però għażilt li ma tibqax sieket. Forsi kien ikun aħjar għalik stess li żammejt mat-tema tal-protesta li għażilt int stes. Fiha, f’din il-protesta, int għamilt allegazzjoni serja. X’għidt quddiem Kastilja taf u semgħek kulħadd.”
Kien hawn fejn staqsieh: “Issa li għaddew ġurnata u nofs mindu għidt li għidt, mort għand il-Maġistrat inkwirenti jew għand il-Pulizija biex tissostanzja dak li allegajt? Ħalli tgħinhom fl-investigazzjoni tagħhom. Nifhem li r-risposta hi le, u se tibqa’ le. Però jien se nibqa’ nistaqsik.”
Dr Abela appellalu wkoll biex jagħti ftit każ u juri rispett lejn iż-żewġ ordnijiet li għamlet il-Qorti Kriminali fis-sentenza tagħha. Ordnijiet li jfissru li l-Maġistrat Inkwerenti fil-każ tal-inkjesta dwar l-omiċidju, u l-Kummissarju tal-Pulizija, issa għandhom quddiemhom xhieda mogħtija waqt il-ġuri li jridu jeżaminawha. U wara li jsir dan, irid jiġi deċiż jekk hemmx lok li terzi persuni jitressqu quddiem il-Qorti bi proċeduri kriminali.
Għaldaqstant huwa nsista li din l-ordni tal-Qorti Kriminali titlob li “aħna, f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, naġixxu bi prudenza u b’kawtela. Mhux b’dikjarazzjonijiet u mġiba li mingħalina se tirbħilna xi vot, imma li tkun qed tfixkel ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja.”
“Taħt Gvern immexxi minni, il-ġustizzja qatt ma ħarset lejn wiċċ ħadd”
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru enfasizza li taħt Gvern immexxi minnu, il-ġustizzja qatt ma ħarset lejn wiċċ ħadd. Dan filwaqt li appella mill-ġdid biex l-istituzzjonijiet jitħallew jagħmlu xogħolhom.
Huwa fakkar ukoll kif mill-2020 ’il quddiem, il-Gvern introduċa ħemel ta’ riformi dwar governanza tajba u wettqu “rivoluzzjoni kostituzzjonali”. Bidliet li fost oħrajn kienu jinkludu l-mod kif jinħatar il-Prim Imħallef u kif tinħatar il-ġudikatura.
Dr Abela semma’ wkoll li nħolqot Qorti speċjalizzata dwar l-inkjesti maġisterjali, b’binja ddedikata għal dan, u erba’ maġistrati dedikati dwar hekk biss ukoll. Dan filwaqt li saħħew bla preċedent il-pakkett tal-ġudikatura u tal-korpi dixxiplinati.
“Illum għndna l-akbar ammont ta’ ġudikanti, maġistrati u mħallfin,” kompla jgħid il-Prim Ministru. Barra minn hekk ġew abbozzati numru ta’ liġijiet maħsuba kemm biex jipproteġu lill-ġurnalisti minn xi attakk fiżiku kif ukoll min ifittixhom talli jkunu qed jagħmlu xogħolhom.
Il-Gvern ħatar ukoll il-Kumitat ta’ esperti rakkomandat mill-inkjesta pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia. Barra minn hekk, il-Prim Ministru stqarr li r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO li għandhom x’jaqsmu mal-Korp tal-Pulizija ġew implimentati kollha.
“Wettaqna riformi li ħaddieħor – iġifieri intom meta kontu tmexxu – lanqas kien joħlom li jagħmilhom. Wettaqna riformi li ġabu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna aktar b’saħħitha minn pajjiżi Ewropej oħra,” tenna l-Prim Ministru. “Għalhekk jien nibqa’ kommess li jintroduċi aktar riformi li jkunu ta’ ġid għal pajjiżna mhux dak li jagħmlu ħsara imma.”
Waqt l-istess dibattitu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li kien se jressaq mozzjoni dwar l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Madankollu, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia qalet li f’dan il-mument fejn qed jaqblu li għandhom jimxu b’responsabbiltà u sensittività ma tistax taqbel li din is-seduta tiġi ridotta għal argumenti fuq mozzjonijiet, kontro-mozzjonijiet, emendi u voti.
“Naħseb li s-sensittività tal-mument titlob minna ħafna aktar sens ta’ responsabbiltà akbar. Allura le ma nistax naċċetta li titressaq din il-mozzjoni,” qalet Cachia.
Wara li l-Ispeaker innota li ma kienx hemm approvazzjoni b’rabta ma’ din il-mozzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla bid-diskors tiegħu fejn qal li sal-lum għadha ma saritx ġustizzja.
“Qaluli li qed inkun partiġġjan. Kieku vera ridt inkun partiġġjan, kieku vera ridt nirbaħ ħafna punti politiċi matul il-ġuri, stajt nikkummenta kuljum, wara kull xhieda. Jiena rajt l-interess nazzjonali u waqt il-ġuri qgħadna lura,” tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni.


