Pollakk ta’ 30 sena qed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, wara li tressaq il-Qorti, hekk kif dan l-aħħar il-Pulizija rċeviet numru sostanzjali ta’ rapporti, li l-akkużat innifsu wettaq diiversi serqiet minn supermarkets differenti.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li minn investigazzjoni illi għamlet il-Pulizija, l-akkużat ġie identifikat minn numru ta’ kameras tas-sigurtà tal-istess supermarkets, fejn fihom wettaq is-serq.
Kompliet tispjega, li l-akkużat ġie arrestat wara li riċentament pprova jisraq minn supermarket ieħor u twaqqaf minn uffiċjal tas-sigurtà. Quddiem il-Maġistrat Anne Marie Thake, l-akkużat wieġeb li huwa ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni argumentat li l-piena għandha tkun waħda effettiva, bir-raġuni li l-akkużat diġà ngħata ċans meta tressaq fuq reat ieħor.
Il-Maġistrat Thake se tkun qed tagħti s-sentenza fil-jiem li ġejjin, bl-akkużat intant se jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nico Zarb, filwaqt li d-Difiża tmexxiet mill-Avukat Ilona Schembri.