Friday, November 1, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li ħebb u sakkar lis-sieħba tiegħu

Aqra wkoll

Tyler Camilleri ta’ 24 sena tressaq il-Qorti b’arrest fejn ġie mixli li ħebb għas-sieħba tiegħu kif ukoll li sakkara kontra l-volontà tagħha. Jirriżulta li dan kollu ġara wara li allegatament hu ra messaġġ imħassar fuq Facebook.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef qalet li kien nhar il-Ġimgħa li għadda meta allegatament inqala argument bejn il-koppja dwar messaġġ li s-sieħba kienet ħassret minn fuq Facebook. L-akkużat beda jistaqsiha biex turih dan il-messaġġ fejn wara li baqgħet tirrifjuta għax kien imħassar inqala l-argument.

Skont dak li ġie ppreżentat fil-Qorti, hi pprovat tispjega lis-sieħeb tagħha li l-messaġġ ma kellu xejn ħażin u lanqas l-ebda intenzjoni ħażina. Iżda l-argument kompla jeskala tant li l-mara sofriet ġrieħi ħfief hekk kif allegatament beda jagħtija fuq wiċċha u rasha.

Il-Prosekuzzjoni qalet li wara dan Camilleri sakkara għal xi sigħat fid-dar tagħhom fiż-Żejtun, iżda l-mara rnexxielha ċċempel lil ommha li mill-ewwel marret fuq il-post.

Hekk kif ġie “meħlusa” minn ommha, il-mara marret iċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid u hemm reġa’ mar is-sieħeb tagħha fejn qal lill-istaff li kien ħuha. Omm il-vittma qalet lill-istaff li bintha ma kellhiex ħutha.

Fost akkużi oħrajn li qed jiffaċja hemm li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li hu riċediv. L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża mmexxija minn Franco Debono u Marion Camilleri talbet għall-ħelsien mill-arrest fejn il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwi fejn sostniet li l-imputat għandu fedina penali kkulurita u qalet li ma jistax jiġi fdat. Ġie spjegat ukoll li l-vittma għad trid tixhed.

Min-naħa tagħhom id-difiża qalu li l-akkużat ukoll sofra diversi ġrieħi kkawżati minn sikkina waqt l-istess argument.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat il-Maġistrat Dr Gianella Camilleri Busuttil ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda ordnat lill-prosekuzzjoni biex iressqu lix-xhieda kollha tagħhom fis-seduta li jmiss.

Sport