Kersten Magro ta’ 32 sena residenti Ħal Qormi wieġeb mhux ħati wara li tressaq il-Qorti akkużat li waqt argument sakkar lil missieru f’kamra. Allegatament l-argument kien dwar id-droga.
Magro wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.
Il-Prosekuzzjoni qalet li kien il-missier stess li għamel rapport dwar ibnu. Mal-Pulizija l-missier qal li ibnu ilu bil-problema tad-droga għal dawn l-aħħar erba’ snin u kien ta’ kuljum jitlob il-flus lill-missieru biex ikun jista’ jsostni l-vizzju tad-droga.
Il-missier fir-rapport lill-Pulizija qal li dakinhar Kersten kien talbu €5 u kien assuma li biex imur jixtri d-droga. Dakinhar kien irrifjuta li jagħtih il-flus u wara argument, l-akkużat sakkar lill-missieru f’kamra u telaq ‘il barra.
Meta imbagħad il-Pulizija kienu tkellmu mal-akkużat, hu kien qallhom li kien sakkar lil missieru u wara kien ħadlu xi flus. Bihom, qal l-akkużat mar jixtri s-sigaretti u reġa’ mar lura d-dar. Hu qal mal-pulizija li imbagħad x’ħin ħassu komdu fetaħ lil missieru.
Minkejja dak li qal lill-Pulizija, Magro wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Magro baqa’ jinżamm arrestat wara li d-difiża qalet li mhux se tkun qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Antonello Magri. L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia deher għall-akkużat.