Wednesday, July 24, 2024

Jinżamm arrestat wara li hedded lis-sieħba u kkaġunala ġrieħi ħfief

Aqra wkoll

Raġel ta’ 32 sena residenti r-Rabat inżamm arrestat, wara li tressaq il-Qorti mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq is-sieħba tiegħu u li heddida. Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Sherona Buhagiar spjegat li l-vittma għamlet rapport l-Għassa ta’ San Pawl il-Baħar, fejn allegat li sofriet diversi ġrieħi f’ġisimha, partikolarment f’wiċċha.

Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat bidel l-indiririzz tiegħu u ma avżax lill-Pulizija kif suppost li għamel fuq ordni tal-Qorti. Huwa wieġeb mhux ħati, bid-difiża tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest.

Id-Difiża mmexxija mill-avukata Yanika Bugeja argumentat li l-akkużat kien qed jonqos milli jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija minħabba li għandu l-kundizzjoni tad-diabete u li minħabba f’hekk, ġieli ma jkollux saħħa joħroġ mid-dar.

Il-Prosekuzzjoni opponiet it-talba tad-Difiża, bir-raġuni li l-allegata vittma għadha trid tixhed kontrih u minħabba li l-akkużat diġà kien ingħata ċ-ċans mill-Qorti hekk kif hu kien ingħata sentenza sospiża ta’ tliet snin fuq akkużi ta’ frodi u serq.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tad-Difiża u tal-Prosekuzzjoni, il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba tad-Difiża u żammet lill-akkużat arrestat.

Ekonomija

Sport