Brażiljan ta’ 23 sena inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li s-Sibt importa kilo droga suspettata kokajina.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija marru l-Ajruport internazzjonali ta’ Malta minħabba li kellhom informazzjoni li l-akkużat kien ġej minn Barċellona.
Ingħad li l-Brażiljan pprova jgħaddi malajr mal-gate. Meta kien mistoqsi mill-Pulizija, kien qed iwieġeb b’mod suspettuż. Meta kien mistoqsi dwar jekk kellux xi ħaġa fil-bagalja, huwa qalilhom li ma’ kellu xejn. Minn tfittxija illi saret fuqu, irriżulta li kellu tape kannella imdawwar ma’ żaqqu b’pakkett imdaqqas quddiem u ieħor wara.
Il-Pulizija qalu li l-akkużat qal li din ma’ kinitx l-ewwel darba li ġie Malta u li kkopera ħafna mal-Pulizija. Ingħad li l-akkużat qal li ma jieħux droga għax jaf kemm tagħmel ħsara. Meta kien mistoqsi jekk jaħsibx fiż-żgħażagħ kollha li d-droga tagħmel ħsara, huwa qal li dawn għandhom il-liberta’ jagħżlu li ma jeħdux droga kif jagħmel hu.
Il-Maġistrat Tanya Sammut ordnat li jinżamm arrestat u ordnat ukoll ordni ta’ qbid u iffriżar tal-assi tal-akkużat.

