Monday, June 29, 2026

IMNARJA

Aqra wkoll

L-Imnarja tista’ titqies bħala test ta’ kemm verament it-tradizzjonijiet qodma tal-pajjiż qed jibqgħu jsibu appoġġ popolari. 

  Il-ħidma uffiċjali li bihom jiġu sostnuti hi meħtieġa u ta’ min ifaħħarha. F’ħafna każi qed tirnexxi. Biss waħidha mhijiex biżżejjed, mhux l-anqas meta (kif wieħed jistenna) tagħmel sforzi wkoll biex iġġedded iċ-ċelebrazzjoni tat-tradizzjonijiet.

Effettivament, biex jirnexxi, dan it-tiġdid irid ikun spontaneu. Irid jitwieled minn fost id-dilettanti li jkunu huma nfushom qed jaddattaw l-imġiba tagħhom għaċ-ċirkostanzi “moderni” li jkunu żviluppaw u kważi bla ma jintebħu, jdaħħlu dan l-addattament fil-prattika tal-festi u tradizzjonijiet oħra li jkunu interessati fihom.

Biss imbagħad, l-aqwa test ta’ ċelebrazzjoni tradizzjonali tibqa’ dik ta’ kemm ikun hemm ħerqa għaliha u parteċipazzjoni popolari qawwija fiha. Nissuspetta li f’das-sens, l-Imnarja qiegħda tiddgħajjef. Lanqas mhi soluzzjoni valida li biex iżżomm tradizzjoni ħajja, tant timmodernizza l-mod kif tinżamm li tispiċċa maqtugħa wisq mill-għeruq tradizzjonali tagħha. Tgħid, l-Imnarja tinsab quddiem dan ir-riskju?

***

TVM U T-TAZZA TAD-DINJA

Hu impressjonanti s-servizz li TVM qed jagħti lit-telespettaturi Maltin bix-xandir prattikament bla waqfien tal-logħbiet li jintlagħbu fit-Tazza tad-Dinja tal-football. Ukoll jimpressjonaw il-kummentarji li jsiru waqt u wara l-logħbiet: riċerkati sew u ppreżentati bla xinxilli imma bi preċiżjoni. Bilfors li sar u qed isir xogħol qawwi fuq dal-proġett. Niddubita kemm hemm stazzjonijiet televiżivi tad-daqs ta’ TVM li qed jagħmlu l-istess ħidma kontinwa f’servizz imprezzabbli – nassumi – għal ħafna dilettanti tal-futboll fil-pajjiż.

Se jintqal li dax-xogħol ta’ divertiment bilfors sab sponsors kummerċjali qawwija. U jekk hu hekk, xinhi l-problema? Ir-rwol ta’ xandir nazzjonali hu dak ukoll li jwassal divertiment xieraq lill-poplu.

***

IL-LABOUR INGLIŻ

Dejjem ħassejt simpatija kbira lejn il-Partit Laburista Ingliż u xejn ma ħadt gost fl-aħħar snin narah mhux qed jasal. Kelli simpatija kbira wkoll lejn il-mexxej tiegħu Jeremy Corbyn. Xorta meta warajh daħal Keir Starmer u tal-Labour sentejn ilu, rebħu l-elezzjoni fraħt. Imma l-gvern ta’ Starmer ħabat ma’ ingropp wara l-ieħor sakemm il-Laburisti stess raw kif jeħilsu minnu.

Li jħassibni madankollu hu kif tal-Labour Ingliżi donnhom lesti jinkurunaw salvatur biex b’hekk, l-affarijiet minn dak il-ħin ’il-quddiem jitwittew. Jekk dan hu l-kalkolu tassew, kemm jista’ jirnexxi?

Għax il-problemi u l-għażliet diffiċli quddiem ir-Renju Unit mhux se jinbidlu. Għandhom x’jaqsmu mal-qrubija antika tagħhom mal-Istati Uniti li donnha tnawret. Jikkonċernaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni Ewropea, il-bilanċ bejn servizzi soċjali u difiża li għad irid jinstab, il-kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni… Salvatur mhux se joħroġhom minn dawn il-problemi, daqskemm deċiżjonijiet diffiċli meħuda lkoll flimkien li jitwasslu sal-aħħar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport